Kompla d-diskors negattiv u diviżiv f’attività politika tal-Partit Nazzjonalista f’Ħal Balzan.
Primarjament kien il-Kap tal-Partit Nazzjonalista nnifsu li kellu l-iktar diskors negattiv u li fih pinġa kollox iswed.
Fl-istess attività Beppe Fenech Adami infexx jgħid li l-Partit Laburista għejja jigverna.
Qal, “Din il-ġimgħa urewna ħaġa waħda biss li dawn għajjew jiggvernaw. Il-programm elettorali tagħhom jurik illi m’għandhomx ideat illi għajjew.”
Il-kandidat Angelo Micallef ma laqax l-appell tal-kandidata Eve Borg Bonello li appellat biex iċ-ċekk ta’ rifużjoni tat-taxxa u dak addizjonali jgħadduh donazzjoni lill-Partit Nazzjonalista.
Qal, “Ilbieraħ, meta wasalt lura d-dar wara li kont qed nagħmel il-house visits f’Birkirkara sibt envelop jistennieni. U ftaħt dan l-envelop. U Robert Abela donnu ftakar illi għandi l-birthday jiena f’Marzu għax bgħattli ċekk. Nirringrazzjah taċ-ċekk lir-Robert Abela.”
Il-kandidata Julie Zahra spiċċat tgħid li jekk tivvota lill-Partit Laburista ma tkun qed taħseb b’moħħok.
Qalet, “Jiena dan ngħidilkom, fis-sitta u għoxrin ta’ Marzu sinjuri aħsbu b’moħħkom. “
F’attività f’distrett li fih ser ikun qed jikkontesta l-eks kap Nazzjonalista Adrian Delia, il-Viċi Kap David Agius qagħad jaċċenna li huwa dejjem kien leali lejn il-Partit taħt kull Kap.
Qal, “Jiena dejjem nibqa’ leali lejn il-partit Nazzjonalista, immexxi minn kull kap ta’ dan il-partit, ikun min ikun kap tal-partit. “
Fl-istess attività Bernard Grech spiċċa jimita wkoll lit-tfal tal-iskola.
Qal, “It-teacher tmur fuq xi ħadd, tgħidlu x’għamiltlu ħi lil Mark jew lil sieħbek u jgħidilha, miss miss hu beda.”
Fl-aħħar tad-diskors Bernard Grech għażel li jsellem lil kull kandidat, iżda hawnhekk dlonk kellu jfittex il-karta biex jaqra isimhom.
Qal, “Flimkien mat-tim, flimkien mat-tim fenominali tal-partit nazzjonalista, lil David Agius, lil Michael Axiaq, lil Josianne Cardona Gatt, lil Adrian Delia.”