Aktar minn tmienja u tletin elf ewro ġew mogħtija f’għotjiet lil seba’ entitajiet differenti. Dan sabiex is-settur tas-salvataġġ jkompli jissaħħaħ permezz ta’ kollaborazzjonijiet ma’ dawn l-għaqdiet volontarji li jaħdmu f’dan is-settur.
Fis-snin ta’ qabel entità waħda kienet tieħu din it-tip ta’ għajnuna iżda llum din l-għajnuna qed tinfirex iktar.
Rappreżentant minn għaqda tas-salvataġġ, Andrew Grech qal kif din l-għotja ħa tkun qed tgħin ħafna lill-organizzazzjoni li hu msieħeb fiha.
Is-Sur Grech qal, “Din l-għajnuna li ta’ kull sena sar jagħti d-dipartiment lill-organizazzjoni tgħina biex aħna nkompru parti mill-ispejjes tagħna biex imantnu t-tagħmir tagħna u nkunu nistgħu nagħtu dan is-servizz li nipprovdu.”
Minn naħa tiegħu, id-Direttur tal-Protezzjoni Ċivili, Emanuel Psaila rrikonoxxa l-ħidma li jagħmlu dawn l-għaqdiet volontarji li jgħinu lill-Protezzjoni Ċivili b’bosta modi.
Is-Sur Psaila spjega, “Din il-ħidma hija importanti ħafna għaliex huma jgħinuna b’diversi modi. Jgħinuna fit-taħriġ u jgħinuna wkoll mill-att operattiv għalhekk huwa tajjeb illi nkomplu naħdmu flimkien ħalli nsalvaw u nipproteġu l-poplu Malti.”
Il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri stqarr li hija okkazjoni sabiħa li jiltaqa’ ma’ dawn l-għaqdiet volontarji li jagħtu sehemhom biex isalvaw lin-nies.
Il-Ministru Camilleri stqarr, “Iżda wkoll huwa essenżjali ningħaqdu fi sħab ma’ dawk l-organizazzjonijiet sabiex anke huma jassistu fis-salvataġġ u l-ewwel għajnuna. Għaldaqstant rajna li anke nagħtu xi fondi lil dawn l-organizazzjonijiet sabiex ikomplu jinvestu fihom nfushom u sabiex nibqgħu nagħtu servizz tajjeb ħafna lill-poplu Malti u Għawdxi.”