Għall-ewwel darba, matul ix-xahar ta’ Marzu, il-moviment tal-passiġġieri fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qabeż is-600,000 persuna, tant li, sal-aħħar tax-xahar, kien hemm 633,826 passiġġier.
Ħabbar dan l-Ajruport stess fi stqarrija hekk kif ġie spjegat li Marzu rreġistra tkabbir ta’ 30.1 fil-mija fuq l-istess xahar tal-2023 biex b’hekk għalaq l-ewwel kwart tal-2024 b’total ta’ 1,573,712-il passiġġier.
Il-volum tal-passiġġieri żdied sostanzjalment lejn l-aħħar tax-xahar, b’27,250 passiġġier jgħaddu mill-Ajruport f’ġurnata waħda biss, nhar il-Ħamis 28 ta’ Marzu.
Dawn ir-riżultati pożittivi nkisbu fl-istess perjodu li matulu l-Ajruport esperjenza żieda ta’ 24.6 fil-mija fil-postijiet disponibbli fuq it-titjiriet minn u lejn Malta, meta mqabbel mal-2023, u seat load factor b’saħħtu ta’ 87.2 fil-mija; l-ogħla load factor li qatt ġie rreġistrat f’Marzu.
Il-moviment tal-ajruplani wkoll żdied b’20.5 fil-mija fuq l-istess xahar tas-sena li għaddiet, b’total ta’ 4,031 titjira jaslu u jitilqu mill-Ajruport matul dan l-istess xahar.
L-aktar swieq importanti f’Marzu għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta baqgħu l-Italja, ir-Renju Unit u l-Ġermanja, li flimkien kienu responsabbli għal 50% tat-total tat-traffiku li għadda minnu.
Madankollu, fost il-ħames l-aktar swieq importanti, il-Polonja rreġistrat l-aktar tkabbir b’saħħtu, meta ttraffiku minn u lejn din id-destinazzjoni żdied bi 80.6 fil-mija fuq Marzu tal-2023.
Dan wassal biex il-Polonja tieħu post Franza bħala r-raba’ l-aktar suq importanti għall-Ajruport.