Fl-elfejn u għoxrin, fis-sena tal-pandemija, iżjed minn elfejn u disa’ mitt persuna rrikorrew għal għajnuna minħabba l-vjolenza domestika.
Dan ħareġ minn statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO.
Skont din l-istatistika, fl-elfejn u għoxrin, kien hemm żieda ta’ kważi erbatax fil-mija ta’ dawk li rrikorrew għall-għajnuna minħabba l-vjolenza domestika, meta mqabbla mas-sena ta’ qabel.
Dan hekk kif fl-elfejn u dsatax kien hemm aktar minn elfejn u ħames mitt persuna li rrikorrew għall-għajnuna. Dan ifisser li fis-sena tal-pandemija kien hemm żieda ta’ iżjed minn mitejn u ħamsin persuna li rrikorrew għal għajnuna minħabba l-vjolenza domestika.
F’din l-istatistika, ħareġ kif l-aktar li rrikorrew għall-għajnuna kienu n-nisa: kien hemm ftit aktar minn elfejn u tliet mitt mara li fittxew l-għajnuna għall-vjolenza domestika. Dan filwaqt li kienu ftit aktar minn sitt mija u għaxart irġiel li fittxew l-għajuna minħabba l-vjolenza domestika.
Skont l-NSO, kien hemm iżjed minn elf u tmien mija li fittxew l-għajnuna għand il-Korp tal-Pulizija. Dan filwaqt li iżjed minn elfejn u tlett mitt persuna sabu l-għajnuna wkoll mill-Unità tal-Vjolenza Domestika tal-Aġenzija Appoġġ. Dan filwaqt li kien hemm oħrajn li fittxew għajnuna mix-xelters u mis-servizzi tal-emerġenza.
Iktar min-nofs il-vittmi tal-vjolenza domestika kienu ta’ ’l fuq minn erbgħin sena u l-maġġoranza ta’ dawk li fittxew l-għajnuna huma Maltin.
Minn din l-istatistika ħareġ kif il-maġġoranza tan-nies li fittxew is-servizz tal-esperti użaw dan is-servizz darba. Kien hemm iżjed minn elf u disa’ mitt persuna li użaw is-servizz għall-vjolenza domestika darba. Dan filwaqt li kien hemm kważi mitejn u sebgħin persuna li użaw is-servizz għall-vjolenza domestika iżjed minn tliet darbiet.
Skont din l-istatistika tal-NSO, f’Għawdex hemm l-inqas każi rrappurtati ta’ vjolenza domestika, dan filwaqt li l-iżjed rapportI isiru fin-naħa t’isfel ta’ Malta.