Iktar Kunsilli Lokali ser ikunu qed igawdu minn fondi tal-LESA b’investiment ta’ miljun ewro.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri ġew imħabbra l-proġetti l-ġodda li ser igawdu minn fond tal-LESA bħala parti minn ftehim li sar lura f’Jannar tas-sena li għaddiet fejn il-Gvern alloka €3 miljuni mill-fondi tal-infurzar fi proġetti għall-komunità.
Fost dawn miljun ewro mill-fond huma maħsuba għal investiment mill-Kunsilli Lokali.
“Ħadd ma jieħu pjaċir meta jaqla’ ċitazzjoni iżda qed naraw li dawk il-flus li jitħallsu ma’ jżommhomx il-Gvern iżda ninvestuhom lura fil-komunitajiet permezz tal-kunsilli lokali u dan permezz ta’ diversi proġetti. Kemm dawk marbuta ma’ sigurtà, kemm dawk marbuta ma’ spazji mituħa, kemm dawk marbuta ma’ li komunità tkun aktar aċċessibbli u b’hekk nistgħu nassiguraw li mhux biss ninvestu fil-komunità iżda l-komunitajiet tagħna jkunu aħjar.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija LESA, Svetlick Flores spjega kif f’din it-tieni sejħa resqu aktar Kunsilli bil-proġetti tagħhom, bil-bord ikollu 32 sottomissjoni.
Minn dawn intgħażlu 21 proġett.
Permezz ta’ dan il-fond, il-kunsilli lokali li ġew magħżula minn bord tal-għażla indipendenti mil-LESA se jieħdu sa 80% tan-nefqa totali tal-proġett sa massimu ta’ €80,000.
Fost il-proġetti li ġew approvati hemm proġetti ta’ riġenerezzjoni ta’ spazji miftuħa, investiment fix-xiri ta’ vetturi elettriċi u proġetti favur lokalitajiet aktar nodfa bi proġetti bħal kostruzzjoni ta’ bring-in sites taħt l-art.