Is-sena d-dieħla ser ikunu mmodernizzati l-faċilitajiet tal-heliport fix-Xewkija.
Dan sabiex jikkumplimenta t-titjib li sar fil-konnettività bejn iż-żewġ gżejjer permezz tar-raba’ vapur, il-fast ferry u l-introduzzjoni tat-tieni fibre optic cable.
Waqt il-qari tal-Budget għas-sena d-dieħla tħabbar li ser ikun qed isir iżjed investiment fis-settur turistiku.
Dan filwaqt li ser issir ħidma sabiex ikomplu jiżdiedu iżjed rotot ġodda lejn pajjiżna.
Fil-Parlament, il-Ministru għall-Finanzi, Clyde Caruana stqarr kif l-Aġenzija għar-Riġenerazzjoni taż-Żoni Turistiċi ser tkun iffukata fuq l-ippjanar u l-implimentazzjoni ta’ proġetti maġġuri ta’ riġenerazzjoni taż-żoni turistiċi kostali u l-immaniġjar ta’ dawn iż-żoni.
Tħabbar ukoll kif ser ikun qed isir investiment massiċċ fl-industrija tal-films b’immodernizzar tal-faċilitajiet tal-Malta Film Studios fosthom anke bil-bini ta’ sound stages tal-aħħar teknoloġija.
Ser ikun qed isir għall-ewwel darba wkoll il-Malta Film Awards li għalihom ser ikunu mistiedna atturi, diretturi u producers b’fama internazzjonali.