Iktar minn mitt immigrant tilef ħajtu ’l barra mill-kosta Libjana.
Rapporti internazzjonali qed jikkwotaw l-aġenzija Doctors Without Borders li sostniet li żewġ dinghis bl-immigranti li telqu mill-kosta Libjana fl-ewwel ta’ Settembru għerqu.
Dan wassal għall-mewt ta’ iktar minn mitt immigrant, filwaqt li l-mitejn u sitta u sebgħin persuna li salvaw ittieħdu fil-port Libjan Khoms u ddewwew għall-ġrieħi li sofrew.
Skont l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Migrazzjoni, s’issa din is-sena mietu iktar minn elf u ħames mitt persuna, fit-tentattiv li jaqsmu l-Mediterran.