Matul is-sena li għaddiet, ġew salvati tliet mija u tmenin immigrant irregolari, fl-istess waqt li tliet mija u ħmistax kienu rritornati lejn pajjiżhom. Fl-istess perjodu wkoll ġew rilokati mija u disgħa u ħamsin immigrant irregolari lejn stati membri oħrajn tal-Unjoni Ewropea.
Dawn ir-riżultati jfissru li fis-sena elfejn, tlieta u għoxrin, kien hemm aktar immigranti irregolari li telqu, milli effettivament waslu f’Malta.
Ma’ dawn kien hemm ukoll elf, tliet mija u wieħed u disgħin ċittadin ta’ pajjiżi terzi oħrajn li nstabu jgħixu Malta b’mod irregolari u ġew irritornati lejn il-pajjiż tal-oriġinu tagħhom jew xi pajjiż ieħor fejn huma awtorizzati li joqogħdu.
Dawn id-dettalji ngħataw fi tweġiba Parlamentari li l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Byron Camilleri, ta għal mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Joe Giglio, fejn spjega l-ħidma mwettqa fl-oqsma tal-immigrazzjoni irregolari.
Il-Ministru Camilleri sostna li din il-ħidma ma bdietx is-sena l-oħra, iżda qed tkun sostnuta ma’ kull sena li tgħaddi, għax il-Gvern ma kienx kuntent bl-istatus quo fuq l-immigrazzjoni irregolari.
Għalhekk ittieħdu numru ta’ deċiżjonijiet, inkluż bidliet leġiżlattivi, biex is-sistema tal-immigrazzjoni irregolari tkun aktar soda u ġusta, kemm lokalment u kif ukoll f’livell internazzjonali.
Fil-Parlament kien spjegat ukoll kif sar tibdil biex Malta jkollha sistema ġusta ma’ min ħaqqu protezzjoni, iżda iebsa ma’ min ma jkollux dritt jgħix f’pajjiżna. Dan kien possibbli permezz ta’ bidliet leġiżlattivi, investiment fil-proċess tal-ażil u tnaqqis fl-ammont ta’ applikazzjonijiet pendenti.
F’kummenti ma’ ONE, il-Ministru Camilleri qal li “ħdimna biex ikollna sistema marbuta mal-immigrazzjoni irregolari li tkun aktar ġusta. Ġusta tfisser li tkun ġusta ma’ min ħaqqu però tkun iebsa ħafna ma’ dawk li ma ħaqqhomx. In-numri ppubblikati għas-sena l-oħra juri dan, fejn kellek numru kbir ta’ persuni li ġew irritornati lejn il-pajjiż tal-oriġinu tagħhom għaliex ma kinux intitolati għall-ażil, bl-istess mod kif ġew irritornati lejn pajjiżi Ewropej oħra allura b’dan il-mod qed nuru li verament għandna politika ġusta li nemmnu fiha u qed nipprattikawha bil-fatti.”
Hu għalaq billi qal li dan ix-xogħol sar fi sfond ta’ ħidma estensiva fiċ-ċentri tal-immigranti, kemm dawk magħluqa u dawk miftuħa, mingħajr ma tpoġġa ebda piż fuq il-komunitajiet tal-madwar kif kien ġara fi żminijiet tal-passat.