“Ir-riċerka f’teknoloġiji ġodda permezz ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea se tkun qiegħda twassal biex tiġi salvata l-ħajja ta’ bosta nies li jbatu mill-marda tad-dijabete”, dan qalu l-Membru Parlamentari Ewropew Laburista Cyrus Engerer fil-Jum Dinji għad-Dijabete.
F’messaġġ fuq il-midja soċjali, Engerer qal li se jkun qiegħed juża l-pjattaforma tal-Parlament Ewropew biex iżid l-għarfien dwar it-tbatija fis-silenzju li jgħaddu minnha dawk il-familji li jaffaċċjaw din ir-realtà, speċjalment fuq it-tfal.
“Jeżisti apparat ta’ moniteraġġ li jeħel fuq l-id ta’ dak li jkun u jwissih meta l-livell taz-zokkor fid-demm ikun iċċaqqlaq b’mod perikoluż”, qal Engerer. “B’iktar fondi investiti fir-riċerka dawn it-teknoloġiji jistgħu ikunu iktar avvanzati u bi prezzijiet iktar affordabli”, ikkonkluda Engerer li qal li madwar l-Unjoni Ewropea hemm 33 miljun persuna li jbatu mid-dijabete.
Engerer faħħar lill-Gvern għax-xogħol f’dan il-qasam u wiegħed il-kollaborazzjoni tiegħu mill-Parlament Ewropew.
Flimkien mal-Membru Parlamentari Ewropew Cyrus Engerer, ingħaqdu t-tabib u l-Membru Parlamentari Silvio Grixti li spjega l-effetti tad-dijabete, kif ukoll il-Kunsilliera f’Birkirkara Nancy Aquilina, li għandha tifel li jbati minn din il-marda u li tkellmet dwar l-esperjenza tagħha.