Birkirkara kisbu post fis-semi-finali tal-FA Trophy grazzi għal-lotterija tal-penalties wara 120 minuta logħob li ma pproduċa ebda riżultat deċiżiv. Infatti sad-90 minuta l-iskor kien 2-2 u baqa’ l-istess anke fil-ħin barrani biex kellu jkun l-għoti tal-penalties li ddeċieda favur Birkirkara.
Minkejja li kontra r-riħ, kienu Hamrun li ħolqu l-ewwel periklu fis-17-il minuta meta Jonny ikkrossja għan-nofs imma Roko Prsa minn qagħda ċentrali xxuttja ftit barra. Birkirkara wieġbu fit-30 minuta permezz ta’ corner mogħti minn Andrea Zammit u daqqa ta’ ras tajba ta’ Alessandro Coppola li l-goalkeeper Marchetti salva f’corner ieħor.
Fit-43 minuta Hamrun fethu l-iskor permezz ta’ freekick dirett ta’ Uros Duranovic li għeleb għal kollox lill-goalkeeper Karkariz Zapytowski u spiċċa fir-rokna tax-xibka. Iżda Birkirkara ma damux ma skurjaw il-goal tad-draw li wasal fil-ħin miżjud qabel tmiem it-taqsima meta Alexander Satariano xxuttja fil-baxx minn barra l-kaxxa bil-ballun jispiċċa fir-rokna b’Marchetti għal kollox megħlub.
It-tieni taqsima bdiet bl-Ispartans jiftħu fuq l-attakk u fil-51 minuta minn cross ta’ Juan Carlos Corbolan, id-daqqa ta’ ras ta’ Uros Duranovic ġiet salvata tajjeb minn Zapytowski.
Fit-63 minuta Hamrun kellhom goal ta’ Jonny mħassar għal foul fl-attakk biex żewġ minuti biss wara, in-naħa l-oħra, kienu Birkirkara li marru fil-vantaġġ meta Steve Borg fit-tentattiv li ma jħallix lil Paul Mbong jikkonkludi, kellu l-isfortuna illi jitfa’ l-ballun fix-xibka tiegħu stess.
Madankollu fit-73 minuta r-referee Trustin Farrugia Cann saffar għal penalty favur Hamrun meta Roko Prsa deher jaqa’ fil-kaxxa meta gie ttakkiljat minn difensur Karkariż – deċiżjoni li ġabet protesti kbar mill-plejer Karkariżi.
Inkariga ruħu mill-penalty Uros Duranovic li ma falliex b’xutt għar-rokna biex għamel l-iskor 2-2.
Fis-77 minuta Hamrun kellhom goal skurjat minn Jonny mħassar għal offside ta’ l-istess plejer.
Fil-ħin miżjud Hamrun resqu qrib li jiskurjaw il-goal deċiziv meta Ryan Camenzuli dendel ballun li daħal tajjeb għalih Jonny iżda x-xutt tiegħu ġie mblukkat f’corner minn Zapytowski.
L-iskor baqa’ 2-2 fi tmiem id-90 minuta u għaldaqstant il-logħba marret fil-ħin barrani.
Fit-92 minuta Hamrun resqu qrib permezz ta’ Jonny li minn pożizzjoni ferm angolata ra x-xutt tiegħu jiġi mblukkat f’corner mill-goaler Karkariż. Fis-96 minuta r-referee Farrugia Cann wera karta ħamra diretta lil Diakite ta’ Birkirkara u Duranovic ta’ Hamrun wara kuntrast li kien hemm bejniethom fil-kaxxa Karkariża.
Fil-101 minuta reġa’ kien Jonny li x-xutt angolat tiegħu għadda tul il-lasta bla ma ħadu ħadd. L-aħħar azzjoni waslet fil-113-il minuta meta reġa’ kien Jonny għal Hamrun li ttanta xortih b’xutt li ġie mxellef f’corner minn cross ta’ Ederson.
Qabel intemm il-ħin barrani, Birkirkara bidlu l-goalkeeper fejn Amara Sylla ħa post Marcel Zaytowski.
Fl-għoti tal-penalties, il-goaler Sylla spiċċa biex kien l-eroj Karkariż meta salva żewġ penalties fosthom il-ħames penalty mogħti minn Ognjen Belicic, li assigura lit-tim Karkariż minn rebħa bil-penalties 4-3.
L-ewwel żewġ penalties ġew skurjati minn Maxwell Maia u Emerson Marcelina, waqt li kemm Simon Zibo kif ukoll Jonny kellhom it-tieni penalty salvat mill-goalkeepers rispettivi.
Andrei Ciolacu, Neil Micallef u Alessandro Coppola skurjaw it-tliet penalties Karkariżi waqt li għall-Hamrun Christian Rutjens u Joseph Mbong ma fallewx ukoll. Iżda l-aħħar penalty mogħti minn Bjelicic ġie salvat minn Sylla biex Birkirkara għaddew għas-semi-finali u Hamrun għal darb’oħra sfaw eliminati.