Il-kandidat u s-Segretarju Internazzjonali Nazzjonalista Beppe Galea ħareġ juża l-NGO Din l-Art Ħelwa biex jattakka lill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri wara l-qbil li ntlaħaq dwar it-triq ’il quddiem ta’ Triq Marsalforn.
F’kitba fuq Facebook, il-kandidat Nazzjonalista pprova jżeffen fin-nofs l-għaqdiet mhux governattivi biex jipprova jirbaħ xi punti politiċi, iżda kien kelliem ta’ din stess li waqqgħu għaċ-ċajt.
Dan hekk kif ikkummentalu Daniel Cilia minn Din l-Art Ħelwa li qallu li l-Ministeru kellu diġà l-pjani approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar qabel ma’ Clint Camilleri sar Ministru.
Intqal li kieku ma kinitx l-insistenza tal-Ministru, ħafna siġar maturi kienu jintilfu u l-għelieqi kienu jinbidlu f’asfalt. Hawnhekk Cilia rringrazzja lill-Ministru, li ħadem ma’ Din l-Art Ħelwa biex il-proġett meħtieġ ikollu l-inqas impatt ambjentali u jiġu salvati kemm jista’ jkun siġar maturi u x-xagħri tul it-triq.

Dwar dan, kiteb anke d-Deputat Nazzjonalista Alex Borg, li faħħar il-ftehim ma’ Din l-Art Ħelwa, waqt li donnu għalaq permezz ta’ botta lil Beppe Galea.