San Duminku: il-Qaddis tant maħbub fil-Birgu.
Ta’ kull sena jfakkru l-istorja tiegħu; ta’ kif San Duminku kien magħżul mill-Madonna u fdatlu kuruna tar-rużarju.
Bħala tifkira ta’ din il-ġrajja, l-Għaqda Filarmonika Prince of Wales’ flimkien mar-residenti Ġirbin, żanżnu statwa li kienu ilhom jistennew sentejn. Dan fost armar ġdid bħal pavaljuni li qed jitgawdew tul il-festa ta’ San Duminku.
L-istatwa tal-Madonna mdawra bl-anġli tpoġġiet fid-daħla prinċipali tal-Birgu quddiem l-istatwa tal-ġebel ta’ San Duminku.
Din inħadmet b’mod li turi xena meraviljuża u simbolika tal-Madonna tagħti kuruna tar-rużarju lil San Duminku.
Pawlu Farrugia, li ilu għal dawn l-aħħar 25 sena fil-Kumitat tal-Festi Esterni, spjega li l-istatwa għandha disinn oriġinali, xogħol l-iskultur Għawdxi Pawlu Aquilina.
Pawlu Farrugia qal: “Għalina huwa unur kbir li l-Madonna għażlet lill-Patrun tagħna San Duminku biex ittih ir-rużarju. It-talba li hija waħda mill-aqwa talbiet tagħna l-Kristjani.”
Grace Gatt, residenta fil-Birgu, stqarret li kien hemm stennija kbira għal din l-istatwa. Hija qalet: “Fl-aħħar waslet u ħadna pjaċir ħafna biha u li ġiet inawgurata llum kif inhi, taż-żgħażagħ u kienet tat-tfal ukoll. – Għalina tfisser ħafna għax il-Madonna dejjem kellha parti mill-familja Dumnikana.”