Il-Kunsill Lokali taż-Żejtun qed jerġa’ jorganizza l-Konkors Letterarju Annwali, konkors li jagħti ċans lil kulħadd minn tfal sa adulti biex jieħdu sehem u jesprimu l-ħsibijiet tagħhom permezz tal-kitba.
Il-Konkors hu maqsum f’erba’ kategoriji: rakkont bid-djalett Żejtuni, poeżija ġenerali mill-adulti, rakkont ġenerali, u kategorija għat-tfal u ż-żgħażagħ sa 18-il sena, li jistgħu jissottomettu rakkont jew poeżija ġenerali.
Ir-rakkont din is-sena jista’ jkun dwar it-triq jew l-inħawi partikolari fiż-Żejtun, bħal per eżempju rakkont dwar il-ħajja tat-triq fl-imgħoddi. Jista’ jkun ukoll rakkont dettaljat dwar personalità miż-Żejtun, storja umoristika dwar iż-Żejtun u ż-Żwieten, jew studju ddettaljat dwar perjodu storiku taż-Żejtun.
Dan il-Konkors Letterarju joffri l-opportunità biex in-nies tal-lokalità jesprimu ruħhom bil-kitba. Dawk li jiġu l-ewwel post fil-kategorija jirbħu premju monetarju. Il-parteċipant li jiġi fl-ewwel post tar-rakkont bid-djalett jirbaħ ukoll il-Premju Lino Psaila, filwaqt dak il-parteċipant li jġib l-ogħla punteġġ fil-poeżija jirbaħ l-Premju Frans Baldacchino (magħruf bħala l-Budaj). Il-parteċipanti kollha jingħataw ċertifikat ta’ parteċipazzjoni.
L-aqwa kitbiet sottomessi jinqraw waqt is-serata ta’ Ġieħ iż-Żejtun, li s’issa hi maħsubha li se ssir fis-6 ta’ Lulju 2023. Il-kitbiet li jilħqu l-kriterji mixtieqa jiġu ppubblikati fi ktejjeb li dan jitqassam b’xejn lill-pubbliku.