Mingħajr ikel u f’filata ħmieġ; hekk instabu fih is-sittax-il żiemel li kienu f’razzett illegali fil-limiti tal-Biżbiżija f’nofs Diċembru li għadda. One News żar dawn iż-żwiemel li qed jinżammu fil-Kavallerija tal-Pulizija fil-Marsa fejn seta’ jinnota li l-bhejjem għamlu kambjament kbir u ħadu saħħithom lura. Bil-ġimgħat ta’ tbatija, abbandun u moħqrija ħallew riperkussjonijiet xejn sbieħ fuq dawn iż-żwiemel li għalkemm kienu qed jinżammu f’art imdaqqsa, tħallew imgeddsin flimkien f’parti żgħira.
B’ dawn iż-żwiemel illum qed jerġgħu jibdew il-ħajja tagħhom mill-ġdid fil-Kavallerija tal-Pulizija. il-Maġġur tal-Pulizija Francis Xavier Seychell spjegalna x-xena li ebda persuna li tant ikollha għal qalbha l-annimali ma tkun trid tara: żwiemel abbandunati u maħqura. Żwiemel li flimkien magħhom kien hemm ukoll numru ta’ klieb li nstabu fi stat tal-biki; bi ġrieħi kbar daqs il-ponn tal-id li saħansitra kien qed jidhrilhom l-għadam. Il-Maġġur qal li l-klieb kienu qed jinżammu marbuta minn mat-travi tas-saqaf u għalhekk setgħu jagħmlu biss moviment limitat.
Il-maġġur spjega kif iż-żwiemel lanqas setgħu jimxu u jiġru, minħabba l-fatt li d-dwiefer tagħhom tħallew twal ħafna. Spjegalna wkoll li ż-żwiemel tpoġġew f’sezzjoni differenti miż-żwiemel tal-Kavallerija tal-Pulizija. Dan minħabba r-riskju li żwiemel li jkunu tħallew f’dan l-istat jistà jkollhom xi mard. Biż-żwiemel għall-ewwel darba qed jifhmu li l-bniedem jistà jħobbhom u jieħu ħsiebhom; realtà li sa issa qatt ma kienu jafu li teżisti hekk kif raw biss abbandun u moħqrija.
Il-Maġġur qal li ż-żwiemel se jinżammu fil-Kavallerija sakemm jinqata’ l-każ fil-Qorti biex imbagħad l-Animal Welfare tkun tistà tagħti direzzjoni jekk ikunux jistgħu jiġu adottati.