“Imma din invenzjoni… invenzjoni. Dan mhux żwieġ, imma invenzjoni. Iż-żwieġ bejn mara u raġel, biss!”
Salvu Mallia, Eks Kandidat PN
Salvu Mallia, l-eks kandidat tal-Partit Nazzjonalista, meqjus ukoll bħala star candidate mill-eks Kap Simon Busuttil, kellu hekk xi jgħid meta qasam il-ħsibijiet tiegħu fuq persuni LGBTIQ+ u d-dritt tagħhom li jiżżewġu.
Matul il-programm tax-xandir nazzjonali ‘Popolin’, ippreżentat minn Quinton Scerri, ġiet diskussa l-Knisja f’pajjiżna. Kien hawn li l-istess Mallia sostna li ma tagħmilx sens li persuni tal-istess sess jiżżewġu.
Preżentatur: “Salvu qed jgħid li l-Knisja, milli fhimtek jiena, għandha raġun li ma taċċettax li żewġt irġiel jiżżewġu jew żewġ nisa jiżżewġu.”
Salvu Mallia: “Le mhux għandha raġun. Jiena ma narax sens li inti tagħmel sagrament li nħoloq biex ibierek koppja biex jagħmlu t-tfal, ma koppja li ma jistgħux jagħmlu t-tfal.”
Salvu Mallia, Eks Kandidat PN
L-eks kandidat Nazzjonalista, li spiss kien ikun mfittex mill-Partit Nazzjonalista biex jattakka lill-Gvern b’argumenti estremisti bħal li l-Laburisti huma mwielda bil-velenu f’qalbhom jew li l-Prim Ministru Robert Abela hu appoġġjat biss mill-injoranti, anke fuq miżuri u liġijiet progressivi simili ma jaqbilx.
Sadanittant, Mallia saħaq li l-Knisja waqgħet għall-politika tax-xellug u proprju għalhekk li saret irrelevanti.
“Dan kollu paroli tal-politika xellugja li l-Knisja waqgħet għalih u dan li qed nipprova ngħidilkom, intom waqgħajtu għat-tagħlim tax-xellug politiku – dak li għamiltu. U għamiltu l-kompromessi u għalhekk sirtu irrelevanti.”
Salvu Mallia, Eks Kandidat PN
Madankollu fl-istess programm, hu nqabad jikkontradixxi lilu nnifsu fuq kif jaħsibha dwar il-politika xellugija.
“Ix-xellug politiku sar aktar estrem minnkom, jaċċetta ħafna aktar minnkom, ħafna aktar ċar minnkom, jgħin daqskom jew aktar illum, għax għandhom il-flus.”
Salvu Mallia, Eks Kandidat PN
Ta’ min ifakkar li Mallia mhuwiex l-ewwel wieħed mill-Partit Nazzjonalista li, fl-aħħar ġimgħat, ħarġu kontra d-drittijiet ta’ persuni LGBTIQ+.
Fil-fatt il-kandidat Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali li jmiss, Dione Borg, elenka kif il-Gvern Laburista għaġġel meta ta d-drittijiet lill-persuni omosesswali, partikolarment biex jidħlu f’unjoni ċivili u, eventwalment, fi żwieġ indaqs rikonoxxuti mill-istat.
Iżjed minn hekk, qal li tali drittijiet ingħataw biex il-Partit Laburista fil-Gvern igawdi politikament.
“John ħa ngħidlek, aħna għexnih dak il-mument, inti taqbel miegħi li s-soċjetà Maltija kellha bżonn aktar diskussjoni qabel nieħdu dawk id-deċiżjonijiet? U m’għamilniehomx. Jiena nemmen li l-Gvern Laburista uża dik l-issue għall-benefiċċju partiġġjan.”
Dione Bortg , Kandidat Nazzjonalista