It-tħejjijiet għall-Infjorata fuq iz-zuntier tal-Knisja ta’ San Pawl fir-Rabat għaddejjin ġmielhom.
F’ġurnata b’xemx tiżreġ, ONE News iltaqa’ mal-voluntiera, waqt li kienu qed jagħmlu l-aħħar preparamenti.
Din l-infjorata ilha ssir għal dawn l-aħħar tmien snin, u saret appuntament annwali kemm għall-Pawlini u anke dawk li jżuruha.
Tkellima ma’ wieħed mill-Organizzaturi, parti mill-Grupp Infjorata Rabat, Christopher Calleja, li spjegalna aktar fid-dettall, x’inhu l-iskop ta’ din l-infjorata u x’inhu l-proċess warajha.
“Din hija t-tmien sena li qed intellgħu l-infjorata fir-Rabat. L-iskop tagħha huwa li jgħaddi s-Sagrament minn fuqha, il-Ħadd filgħaxija. Illum qed narmawha fuq iz-zuntier u nħalluha esebita, sa nofsinhar, u wara nofsinhar nerġgħu inċaqalquha, u niħduha wara l-bieb tal-Knisja, biex jgħaddi s-Sagrament minn fuqha.”
Huwa tkellem ukoll dwar il-materjal li jintuża biex iwassal għall-prodott finali, flimkien mal-impenn u l-ħsieb, li jmorru wara inizjattiva ta’ din ix-xorta, bit-tema tal-Corpus u l-festa.
“Il-proċess ta’ din l-infjorata jibda kmieni bħala disinn u ħsibijiet. Din is-sena it-tema tal-Infjurata hija Corpus u l-festa jiġifieri għandek l-Ewkaristija, l-armar, il-band, in-nar u għandna wkoll l-għeluq is-sittin sena tal-festi esterni, li se tkun ukoll fl-infjurata. Din l-infjurata se jkollha wkoll fjuri, u materjal li għandu x’jaqsam mal-ambjent, ross, melħ, zkuk, dak kollu li għandu x’jaqsam mal-affarijiet naturali.”
Kienu bosta t-turisti li waqfu biex jaraw dan it-tapit ta’ fjuri naturali, maħsub biex wara kollox, jonora lill-qaddis patrun.
Din l-infjorata se tkun esebita sal-Ħadd waranofsinhar, fejn imbagħad tittieħed quddiem il-bieb tal-Knisja, biex jgħaddi s-sagrament.