Wara l-istruzzjonijiet tal-WBRU (Wild Birds Regulation Unit) u l-VRD (Veterinary Regulation Directorate), il-pubbliku ma jistax jaċċessa ż-żona li fiha jinsabu ċ-ċinji. Il-Pulizija mid-Distrett ta’ Għawdex qed jikkontrollaw l-aċċess għall-pubbliku f’Marsalforn, bl-għan li dawn iċ-ċinji ma jiġux disturbati u ma jingħatawx ikel li mhux addattat għalihom. Dan ifisser li l-esperti biss jistgħu jidħlu fiż-żona fejn jinsabu ċ-ċinji.
Saru diversi appelli biex ħadd ma jitma lil dawn l-għasafar, għax kien hemm min kien qed jitfalhom il-ħobż. Fil-verità, dan jagħmlilhom ħafna ħsara, għax itihom sensazzjoni li huma mimlija, meta jkun għad fadlilhom bżonn jieklu. Barra minn hekk, iwassal għal ċertu mard ieħor.
ONE.COM.MT ilbieraħ tkellem ma’ Nathaniel Attard, kelliem għall-Birdlife Malta, u saqsejnih dwar l-effett tat-temp u r-riħ qawwi li qed jolqot lil pajjiżna fuq dawn iċ-ċinji. Huwa qal li jista’ jiġri minn kollox. Jistgħu jibqgħu hawnhekk biex jevitaw li jivjaġġaw fil-maltemp, u jistgħu wkoll jipprovaw ifittxu ambjent inqas kiesaħ, fid-dawl tal-maltemp li se jagħmel f’dan tmiem-il ġimgħa.
Stqarr li wħud miċ-ċinji huma debboli ħafna. Ilbieraħ filgħaxija, bil-barka tal-WBRU (Wild Bird Regulation Unit), Birdlife għamlu l-ewwel intervent; marru u taw l-ikel liċ-ċinji.
Attard spjega li r-rakkomandazzjoni minn esperti barranin kienet li jtuhom legumi u ċereali. Għalhekk xtraw il-ġwież, niżlu bihom, appellaw biex in-nies iżommu d-distanza u tawhom borża ġwież kbira tard filgħaxija.
Aqra aktar: Il-kaċċaturi Għawdxin li salvaw iċ-ċinju APPELL IMPORTANTI