“Iż-żmien sabiħ ser jerġa’ jiġi u ser jerġa’ jiġi f’qasir żmien.”
Stqarr dan il-Prim Ministru Robert Abela waqt laqgħa fil-Berġa ta’ Kastilja mal-Assoċjazzjoni Maltija għall-Iżviluppaturi u l-Federazzjoni tal-bejjiegħa tal-propjetà.
Dr Abela sostna li f’dan iż-żmien partikolari f’pajjiżna kull settur ser jgħaddi minn sfidi madankollu appella għall-paċenzja. Qal li ċertu setturi ġew prijoritizzati sabiex jitnaqqas l-impatt fuq dawk l-aktar vulnerabbli u sostna li dan mhux iż-żmien li nkissru ċertu setturi f’pajjiżna.
Il-Prim Ministru qal li meta terġa’ tibda ddur ir-rota ekonomika, qasam bħal dak tal-kostruzzjoni li se jerġa’ jimbotta l-ekonomija.
Intant il-President tal-Assoċjazzoni Maltija għall-Iżviluppaturi Sandro Chetcuti faħħar lill-Gvern għall-azzjonijiet u d-deċiżjonijiet f’waqthom li qed jieħu sabiex jikkontrolla din is-sitwazzjoni straordinarja li għaddej minnha pajjiżna.
Douglas Salt, il-President tal-Federazzjoni għall-bejgħ tal-propjetà qal li l-industrija qed issegwi d-direttivi l-ġodda li ħareġ il-Gvern u qal li jittama li s-sitwazzjoni ma ttulx sabiex kollox jirritorna lura għan-normal.