Mit-Tnejn li ġej, is-sbatax ta’ Mejju, se tidħol fis-seħħ it-tielet fażi ta’ rilaxx ta’ restrizzjonijiet fid-djar tal-anzjani marbuta mal-Coronavirus.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva, Michael Farrugia spjega kif mit-Tnejn li ġej, iż-żjarat se jiżdiedu għal tliet darbiet fil-ġimgħa.
Fil-fatt, żewġ qraba mill-istess dar se jkunu jistgħu jżuru lill-għeżież tagħhom tliet darbiet fil-ġimgħa, u allura jistgħu jmorru sa sitt persuni fil-ġimgħa.
L-anzjani bid-dimensja se jkunu jistgħu jaraw lil qrabathom kuljum, hekk kif bħala parti mill-miżuri l-ġodda, se tkun tista’ ssir żjara ta’ kwarta kuljum lir-residenti bid-dimensja. F’kull żjara jistgħu jmorru żewġ qraba mill-istess dar u allura jistgħu jmorru sa erbatax-il persuna fil-ġimgħa.
Mit-Tnejn ta’ wara, l-erbgħa u għoxrin ta’ Mejju, se jkomplu jonqsu l-miżuri, billi jinfetħu ċ-ċentri ta’ matul il-jum li se jilqgħu fihom sa erba’ anzjani u żewġ ħaddiema.
Minn dakinhar se jibdew jiġu organizzati wkoll ħarġiet għar-residenti, b’sistema li tassigura li l-anzjani jibqgħu fl-istess grupp mill-istess dar.
Il-Ministru Michael Farrugia kellu dan l-appell għall-qraba tal-anzjani: “Għall-passi li jmiss huwa importanti li dawk il-qraba ta’ dawn l-anzjani li għadhom ma tlaqqmux, jirreġistraw biex jitlaqqmu ħalli tiffaċilitalna iktar it-tnaqqis ta’ restrizzjonijiet fil-futur minħabba li rridu nkunu ċerti li kull pass li nagħmlu ma jħallix konsegwenzi.”
L-ilbies tal-maskri, iż-żamma tad-distanza soċjali u miżuri oħra jridu jibqgħu jiġu osservati.
Dan jgħodd kemm għad-djar residenzjali kif ukoll għal San Vinċenz de Paul.