L-Ewwel Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans, responsabbli fost oħrajn għar-relazzjonijiet mal-parlamenti nazzjonali, żar il-Parlament ta’ Malta fejn kellu laqgħat dwar il-preparazzjonijiet għall-konferenzi interparlamentari li ser jiġu organizzati matul il-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Fl-ewwel laqgħa is-Sur Timmermans iltaqa’ mad-Deputat Speaker, Ċensu Galea, fejn flimkien iddiskutew it-temi prinċipali tal-konferenzi li ser jorganizza l-Parlament Malta fl-ewwel sitt xhur tal-2017. Iż-żewġ naħat qablu li l-Unjoni Ewropea għandha taħdem aktar sabiex tistabbilixxi politika komuni dwar l-ażil u dwar kif Malta jista’ jkollha rwol importanti sabiex dan ikun jista’ jseħħ.
Il-Viċi President faħħar is-sostenn li qiegħda toffri Malta lill-Aġenzija Ewropea EASO, li kull ma jmur qiegħda tikber fl-importanza tagħha. Il-Viċi President faħħar ukoll l-andament tal-preparazzjonijiet li għaddejja bihom Malta għall-Presidenza tal-Unjoni Ewropeja fil-bidu tas-sena d-dieħla u stqarr li jemmen li Malta ser tagħmel suċċess mill-Presidenza tagħha tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Il-President tal-Kumitat dwar l-Affarijiet Barranin u Ewropej, Luciano Busuttil, tkellem dwar il-laqgħat interparlamentari li huma maħsuba bħala parti mid-dimensjoni parlamentari tal-Presidenza ta’ Malta fl-ewwel nofs tal-2017.
Timmermans appella lill-Membri Parlamentari sabiex jieħdu sehem b’mod sħiħ fil-proċess ta’ żvilupp tal-Unjoni Ewropea, aktar u aktar issa li tinsab fi żmien tant kritiku għall-eżistenza tagħha.
Intant filgħodu Timmermans ltaqa’ mal-Ministru għall-Ġustizzja, il-Kultura u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, u l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Carmelo Abela.
Hawn Timmermans qal li l-Gvern Malti huwa mħejji tajjeb ħafna biex f’Jannar li ġej jieħu f’idejh il-Presidenza b’rotazzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropa.
Il-Ministru Bonnici spjega kif il-Ministeru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali se jkun qed jieħu ħsieb tnax-il konferenza u laqgħat matul il-Presidenza, dsatax-il working party u dsatax-il dossier. B’kollox hemm 50 persuna mis-setturi tal-Ġustizzja u l-Kultura involuti fil-ħidma tal-Presidenza. B’referenza ghal Brexit, il-Ministru tenna li Malta bħala Presidenza hija lesta li tibda d-diskussjonijiet fil-Kunsill.
Il-Ministru Abela irrefera għad-dossiers importanti li se jkunu fuq il-mejda waqt il-Presidenza ta’ Malta, inklużi l-proposti li jirrevedu s-Sistema Komuni Ewropea tal-Ażil, proposti relatati mal-ġestjoni tal-fruntieri, u miżuri meħudin biex tiġi mħarsa s-sigurtà interna u biex jiġi miġġieled it-terroriżmu.