“Miżura li permezz tagħha ser inkomplu nsalvaw il-ħajjiet tal-Maltin u l-Għawdxin.”
Reazzjoni ċara tal-Kardjologu Malti b’esperjenza Dr Robert Xuereb, għall-aħbar li l-Gvern se jkun qed jibni t-tielet teatru fl-Isptar Mater Dei u li fih isiru interventi delikati u kruċjali tal-qalb.
Dan il-proġett jikkumplimenta miżuri oħra fil-Budget għas-sena d-dieħla u li mistennija jkomplu jsaħħu l-qasam tas-saħħa f’pajjiżna.
Dr Xuereb stqarr: “Tant saru kumplessi l-interventi li sirna nagħmlu fuq il-qalb ħassejna l-bżonn li issa jkollna teatru ieħor, għandna tnejn preżentament, imma se jkollna wieħed ġdid li ħa jkun iddedikat għal dawk l-interventi li nagħmlu fuq il-valvi u fuq l-istrutturi tal-qalb li huma kumplessi ħafna.”
Il-Konsulent Xuereb, li huwa wkoll il-Kap tad-Dipartiment tal-Kardjoloġija f’Malta, saħaq li l-bini ta’ dan it-teatru ġdid se jfisser ukoll servizzi eċċellenti għall-pazjenti tagħna.
Huwa sostna: “Ħa nkunu nistgħu ngħinu lill-pazjenti tagħna ħafna aħjar, ħa nkunu nistgħu nkomplu nespandu s-servizzi tagħna, ħa nkunu anke qed nagħtu l-kura top class lill-pazjenti tagħna li jbatu bil-qalb.”
Huwa tenna li bħalissa hemm domanda kbira ta’ operazzjonijiet li qed isiru b’rabta ma’ problemi tal-qalb.
Il-Kardjologu għamel referenza wkoll ta’ kif qabel, dawn il-pazjenti kienu jintbagħtu barra minn Malta biex isirilhom dan l-intervent, iżda issa dawn isiru kollha f’Malta.
B’hekk qed jiġu evitati l-attakki tal-qalb. Dr Xuereb fisser: “Bħalissa għaddejjin bir-ritmu mgħaġġel fil-kardjoloġija, fejn jidħol kull qasam, jekk huwiex imaging, MR, fejn qabel konna nibagħtuhom barra minn Malta biex dawn isiru konna nibgħatu għoxrin fis-sena, issa qed nagħmlu erbgħa u għoxrin fil-ġimgħa minn dawn l-interventi. Qabel il-pazjenti ma stajna noffrulhom xejn li allura ma stajna nagħmlulhom xejn biex ngħinuhom u konna ngħidu m’hemmx x’tagħmel, illum nistgħu ngħinuhom billi ntaffulhom l-uġigħ u anke ntawlulhom ħajjithom billi nevitawlhom attakk tal-qalb.”
Dr Robert Xuereb kien qed jitkellem fil-konferenza annwali tas-Soċjetà Maltija għall-Kardjoloġija fl-Isptar Mater Dei, fejn hemmek intervjenew ukoll uħud mill-aqwa esperti mediċi internazzjonali.
Dawn, anke fi kliem Xuereb, faħħru l-interventi li jsiru f’Malta b’rabta mal-kardjoloġija.