L-impjegati li ilhom sena bil-paga minima mhux biss se jgawdu miż-żieda maqbula fil-ftehim iffirmat bejn il-Gvern u l-imsieħba soċjali f’April, iżda se jgawdu wkoll miż-żieda tal-aġġustament għall-għoli tal-ħajja, u s-suppliment għall-paga minima.
Biex b’hekk, kull impjegat bil-paga minima li għandu minn tal-inqas tmintax-il sena u ilu iżjed minn tnax-il xahar fl-istess impjieg, se jiżdied b’ewro u ħamsa u sebgħin ċenteżmu fil-ġimgħa tal-COLA, ewro ieħor fil-ġimgħa suppliment skont il-ftehim maqbul dwar il-paga minima, u tliet ewro oħra skont kif maqbul mal-imsieħba soċjali fit-tmienja u għoxrin t’April li għadda.
ŻIDIET GĦALL-IMPJEGATI BIL-PAGA MINIMA LI GĦANDHOM IŻJED MINN 18-IL SENA U ILHOM SENA FL-IMPJIEG |
€1.75 TAL-COLA |
€1.00 SUPPLIMENT |
€3.00 SKONT IL-FTEHIM DWAR IL-PAGA MINIMA |
Dawn jerġgħu jiżdiedu mat-tieni sena fl-istess impjieg, kif spjegat Sandra Gatt – id-Direttur tad-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrjali u x-Xogħol.
Hi qalet li “Dak il-persuna li s-sena d-dieħla ħa jagħlaq sentejn fl-istess post tax-xogħol, dik il-paga ħa tiżdiedlu bi 3 euros oħra, 1 euro tas-suppliment u 1.75 tal-COLA jiġifieri l-paga ta’ dak il-persuna mit-2016 sat-2018 ħa tkun żdiedet b’8.75.”
Dawk li m’għandhomx tmintax-il sena jew m’ilhomx sena fl-impjieg, iżda xorta jitħallsu bil-paga minima, ukoll se jaraw żieda fil-pagi tagħhom.
L-impjegati ta’ sittax-il sena bil-paga minima bħalissa jitħalsu mija u sittin ewro u erbatax-il ċenteżmu fil-ġimgħa.
Biż-żieda tal-COLA, u s-suppliment t’ewro ieħor fil-ġimgħa, se jibdew jitħallsu mija tnejn u sittin ewro, disgħa u tmenin ċenteżmu fil-ġimgħa.
ŻIDIET GĦALL-IMPJEGATI BIL-PAGA MINIMA LI GĦANDHOM IKTAR MINN 16-IL SENA |
€1.75 TAL-COLA |
€1.00 SUPPLIMENT |
L-istess żidiet japplikaw għal min għandu sbatax u tmintax-il sena, u beda jitħallas bil-paga minima.
Biex dawk ta’ sbatax-il sena, minn mija tnejn u sittin ewro u tmienja u disgħin ċenteżmu fil-ġimgħa, se jibdew jitħallsu mija ħamsa u sittin ewro u tlieta u sebgħin ċenteżmu.
Filwaqt li dawk ta’ tmintax-il sena, minn mija disgħa u sittin ewro u sitta u sebgħin ċenteżmu fil-ġimgħa, se jiżdiedu għal mija tnejn u sebgħin ewro u wieħed u ħamsin ċenteżmu.
ŻIDIET GĦALL-IMPJEGATI BIL-PAGA MINIMA LI GĦANDHOM IKTAR MINN 16-IL SENA | ||
2017 | 2018 | |
16-IL SENA | €160.14 | €162.89 |
17-IL SENA | €162.98 | €165.73 |
18-IL SENA + | €169.76 | €172.51 |
Dan kollu jmur id f’id ma’ miżuri oħra fil-baġit għall-elfejn u tmintax. Baġit li jaħseb f’kulħadd, u qed ilesti lil pajjiżna għall-futur.