Mhux se naċċetta li l-pressjoni internazzjonali ta’ żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, naqbdu u nixħtuha fuq il-poplu.
Hekk sostna l-Prim Ministru t-Tlieta filgħodu waqt Stqarrija Ministerjali li ta fil-Parlament meta kien qed jitkellem dwar is-Summit tal-Kunsill Ewropew fi Brussell l-ġimgħa l-oħra.
Dr Abela qal li l-impenn tal-Gvern se jibqa’ ċar: “Bl-istess mod li ħdimna biex inżommu l-ekonomija tagħna fuq saqajha fil-pandemija permezz tal-wage supplement, l-istess ser nagħmlu issa billi nassiguraw l-istabilità tal-prezz tal-enerġija f’Malta. B’dan il-mod, il-familji u n-negozji tagħna jistgħu ikomplu jħaddmu l-pjan u l-viżjoni tagħhom, u jsir it-tkabbir li tant ikunu ppjanaw u ħadmu għalih.”
Il-Prim Ministru Robert Abela qal kif din il-kriżi fl-enerġija feġġet fi stat delikat tal-irkupru ekonomiku mill-pandemija u jemmen li għandu jkun hemm miżuri immedjati sabiex ma jkunx hemm xokkijiet fl-ekonomija ta’ stati membri.
Hawnhekk il-Prim Ministru ħareġ ċar id-differenza bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni: “Għax il-Kap tal-Oppożizzjoni sa ġimagħtejn ilu, immedjatament fil-press conference ta’ wara l-Budget, mar jgħid illi la l-prezzijiet internazzjonali għolew, jogħlew għal kulħadd u li kieku llum inti Prim Ministru kont timxi b’dak ir-raġunament li tgħid illi la l-prezzijiet internazzjonali jogħlew, jogħlew għall-Maltin u għall-Għawdxin. Dik id-differenza li mxejna biha aħna. Veru l-prezzijiet għolew u għolew b’mod straordinarju imma bl-għaqal ta’ dan il-Gvern, aħna rnexxielna nżommu milli dak il-piż jiġi trasferriet għal fuq iċ-ċittadini u fuq in-negozji tagħna.”
Dr Abela sostna kif fil-Kunsill Ewropew spjega kif pajjiżna għażel li jagħmel qalba fil-ġenerazzjoni tal-enerġija mill-Heavy Fuel Oil għal-LNG.
Il-Prim Ministru tenna kif pajjiżna qed jagħti u se jkompli jagħti inċentivi, permezz tal-Budget għas-sena d-dieħla, għal min jinvesti fl-enerġija rinovabbli.
Hawn fisser kif l-inċentivi ta’ Malta huma fost l-iktar b’saħħithom: “Dan għamilnieh għax bħall-Kummissjoni Ewropea u l-maġġoranza tal-istati membri tal-Unjoni Ewropea, dan il-Gvern ukoll jemmen li l-investiment fl-enerġija rinovabbli hu ċ-ċavetta biex inkunu aktar awtonomi minn dak li jiġri fi swieq internazzjonali, u biex nilħqu l-miri ambjentali tagħna rigward it-tibdil fil-klima.”
Dr Abela semma kif pajjiżna wassal messaġġ ċar f’dan il-Kunsill, hekk kif fil-konklużjonijiet, il-pożizzjoni ta’ pajjiżna, jiġifieri li ż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija ma jerfahiex iċ-ċittadin, issemmiet darbtejn.