Tul is-sena li għaddiet 665 każ ta’ vjolenza domestika ġew referuti lejn l-Aġenzija Appoġġ, żieda ta’ 158 każ fuq is-sena ta’ qabel.
F’rapport mill-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali għas-sena 2018, intqal li din iż-żieda tista’ tkun dovuta għal-liġi dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u l-liġi tal-vjolenza domestika li tnediet is-sena li għaddiet u ż-żieda fil-kuxjenza dwar dawn il-każijiet.
Fis-sezzjoni tar-rapport għas-servizzi mogħtija mill-Aġenzija Appoġġ, joħroġ ukoll li 70 adoloxxent ġew mgħejjuna jsibu xogħol jew biex itejbu l-ħiliet tagħhom.
148 adoloxxent ieħor ingħataw għajnuna li għall-ewwel kienu rrifjutaw, b’din iċ-ċifra tkun waħda rekord.
Mir-rapport joħroġ ukoll li l-Aġenzija Appoġġ għenet 15-il vittma ta’ traffikar tal-bnedmin f’każijiet fejn kienu qegħdin jiġu sfruttati għax-xogħol. Dawn ingħataw akkomodazzjoni u għajnuna sabiex jirritornaw fis-suq tax-xogħol u jgħixu b’mod indipendenti.
Vittma oħra ta’ traffikar tal-bnedmin ukoll ġiet mgħejjuna toħroġ miċ-ċirku vizzjuż li kienet fih u iktar tard ingħatat għajnuna biex tirritorna lura f’pajjiżha. Is-social workers tal-aġenzija iktar tard identifikaw potenzjalment żewġ vittmi oħra.
Tul is-sena l-oħra wkoll il-linja ta’ sapport 179 rċeviet iktar minn 9,000 telefonata meqjusa bħala ġenwina.
Mir-rapport joħroġ ukoll li matul l-2018, 50 tifel u tifla tpoġġew ġo foster home u li 77 individwu attendew għal taħriġ qabel ma’ bdew jiffosterjaw.
Fis-sezzjoni tal-Aġenzija Sedqa, intqal li fl-2018 ġew irreferuti 267 każ ta’ dipendenza fuq l-alkoħol jew ta’ nies bi problema tal-logħob tal-ażżard.
Ir-rapport jgħid li tul l-2018 komplew jiżdiedu l-public social partnerships bejn il-Ministeru tal-Familja u għaqdiet mhux governattivi biex issa dawn laħħqu l-47 ftehim. Bejniethom, dawn l-għaqdiet ibbenefikaw minn €17 miljun f’fondi nazzjonali.
F’diskors waqt it-tnedija tar-rapport il-Ministru Michael Falzon esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-ħidma tal-FSWS u qal li s-sena 2018 kienet l-aqwa waħda kemm mill-operat kif ukoll is-servizz li qed jingħataw.
Semma kif ġew iddeversifikati s-servizzi, sar strutturar ġdid flimkien ma’ implimentazzjoni ta’ servizzi u standards ta’ kwalità aħjar.
Qal li l-Gvern għal darb’oħra żied l-allokazzjoni finanzjarja, tant li fl-aħħar ħames snin il-Fondazzjoni rdoppjat l-impjegati tagħha biex tkun tista tkabbar u tifrex is-servizzi li tagħti lil nies vulnerabbli.
Biex seta’ jsir dan il-flus għar-riżorsi umani u servizzi żdiedu b’mod qawwi tant li għas-sena d-dieħla n-nefqa tal-Fondazzjoni ser titla’ għal kważi €24 miljun – żieda ta’ 207 fil-mija fuq dik tal-2012.