- MEDJA TA’ BEJN 1.3 U 1.5 WILD GĦAL KULL KOPPJA MALTIJA
- ŻDIEDU L-PARI TA’ TEWMIN LI TWIELDU F’MALTA
Iż-żieda fin-numru ta’ barranin jgħixu Malta hija riflessa wkoll fiż-żieda ta’ twelidijiet. Fil-fatt, id-Direttur tas-Servizzi tal-Maternità fl-Isptar Mater Dei, Mark Brincat, innota kif iż-żieda fl-ammont ta’ trabi li twieldu s-sena li għaddiet m’għandhiex tilludina li l-Maltin reġgħu qed ikabbru l-familji tagħhom. Minflok, jidher li dan hu effett tal-barranin li sabu impjieg u bdew ħajja f’pajjiżna u għalhekk qed ikabbru l-familja tagħhom hawn ukoll. Filwaqt li dan hu numru li kien qed jikber b’mod kostanti, bejn l-2013 u l-2014 kien hemm żieda qawwija ta’ madwar 200 persuna ta’ nazzjonalità oħra li welldet Malta.
Brincat, konsulent mediku f’Mater Dei fost oħrajn, spjega kif dan kollu huwa wkoll riżultat tat-tkabbir ekonomiku bla preċedent li kellu pajjiżna. Argumenta kif jekk pajjiż ifalli ħadd ma jmur biex jibda ħajtu fih. Xi ħaġa li f’Malta saret spissa tant li kien hemm żieda ta’ madwar 330 omm barranija li f’pajjiżna kellha tarbija bejn is-sena 2013 u s-sena li għaddiet.
Minn tagħrif li tagħna Brincat jirriżulta li hemm numru kbir ta’ Taljani. Għax kif spjega l-ġinekologu ta’ esperjenza, it-Taljani li qed jiġu hawn qed jagħmlu dan f’etajiet iżgħar minn pereżempju l-Ingliżi, li jagħżlu Malta fi stadju iktar tard ta’ ħajjithom.
Din iż-żieda fi trabi barranin tista’ tidher bħala piż ġdid fuq pajjiżna. Fosthom fuq is-sistema edukattiva għaliex ħafna drabi dawn it-trabi ma jkunux l-ewwel wild tal-familja u f’ħabta u sabta, is-sistema edukattiva jkollha titwessa’ biex tagħmel spazju għal numru sostanzjali ta’ tfal li ta’ kull sena jiġu minn barra l-pajjiż.
Dan mhux biss, għaliex numru ta’ tfal li jinqalgħu minn pajjiżhom u jemigraw għal ieħor għandhom xorti jekk jifhmu nitfa mil-lingwa Ingliża, u din toħloq ukoll pressjoni biex wieħed jikkomunika.
“Is-sena l-oħra mhux biss kien hawn żieda ta’ trabi imma dawn it-trabi għandhom ħuthom, jiġifieri s-settur edukattiv kellu jsib mijiet ta’ postijiet iktar għat-tfal ta’ dawn l-individwi barranin li jitfaċċawlek f’daqqa waħda. Meta jkollok economic boost tistenna dawn l-affarijiet li jiġru għax jekk ifalli l-pajjiż ħadd ma jkun irid jiġi hawn,” jinnota Brincat.
Il-Maltin kemm qed iwelldu?
Filwaqt li b’mod ġenerali żdied it-twelid, il-ġinekologu Brincat fisser kif dan ma jfissirx li l-Maltin qed jagħżlu mill-ġdid li jkollhom familji ikbar. Anzi jgħid li r-rata ta’ twelid għand koppji Maltin kompliet tonqos. Xi ħaġa li jiddeskrivi bħala “sfortuna” u “inkwetanti”.
In-numru ta’ trabi ta’ koppji Maltin bejn wieħed u ieħor qiegħed f’medja ta’ bejn 1.3 u 1.5 għal kull koppja. “Dan huwa nuqqas drastiku ħafna u dan in-numru ta’ tfal li qed ikollna huwa sa ċertu punt inflated,” jgħid Brincat.
B’numru ta’ inċentivi bħal childcare b’xejn, suppost il-ġenituri m’għandhomx ikollhom il-problema li xi ħadd ikollu jieqaf mix-xogħol biex jieħu ħsieb it-tarbija. Iżda, illum il-mentalità u l-prijoritajiet inbidlu fejn ħafna jistennew li jikbru u saħansitra jkunu se jaqbżu l-età taż-żogħżija meta jsiru ġenituri għall-ewwel darba.
Ħafna nies l-ewwel qegħdin jistabbilixxu karriera biex imbagħad ikunu lesti għal li jista’ jinqala’ meta jkollhom tarbija. Fil-fatt l-età medja tal-ommijiet li welldu fl-2016 kienet bejn it-30 u l-34 sena.
Ovvjament iktar ma jkunu kbar in-nies imbagħad ikun hemm iktar problemi fejn tidħol il-fertilità. Hawnhekk jidħol l-element tat-teknoloġija riproduttiva artifiċjali iżda dan mhuwiex aċċessibbli għal kulħadd u hemm ċertu kriterji li jridu jintlaħqu. Punt kurjuż li spjegalna Brincat huwa, li meta l-omm ikollha t-tfal iktar tard fil-ħajja, hemm ċans ikbar li jkollha tewmin.
Jargumenta li huwa magħruf li t-twinning huwa iktar komuni f’nisa li jkollhom trabi iktar tard fil-ħajja. “Bla dubju ta’ xejn li għandna hawnhekk huma żewġ forzi li qed jaħdmu f’daqqa. Hawn nisa li qed idewmu l-bidu tal-familja tagħhom u għal raġunijiet varji kif ukoll naturali ċ-ċans li jkollhom tewmin huwa iktar komuni. Meta koppji jtawlu l-pjanijiet għall-familja u jkollna impatt ta’ problemi bl-infertilità, dawn ikollhom iktar trattament u iktar trattament jista’ jirriżulta li ’l hawn u ’l hinn ikun hemm xi tqala b’tewmin. Għalkemm irrid ngħid li l-maġġoranza kbira, kemm tal-IVF u kemm tal-infertilità jirriżultaw fi tqala waħda biss u mhux tewmin. Tewmin huma minoranza,” jgħid Brincat meta mitlub jikkummenta dwar il-fatt li żdied t-twelid ta’ tewmin.
Fil-fatt, ir-rapport annwali jgħid li n-numru ta’ ħlas b’iktar minn tarbija waħda huwa 98 kollettivament, imma 71 minnhom ma kinux megħjuna minn teknoloġija riproduttiva filwaqt li 27 minnhom kienu rreġistrati li kellhom għajnuna minn teknoloġija riproduttiva artifiċjali bħall-IVF.
Sorpriż biċ-ċifri li ntlaħqu s-sena l-oħra, Brincat stqarr kif 4,555 wild huma rekord liema bħalu għal pajjiżna. Tenna li dan in-numru rekord ifisser li n-numru ta’ tewmin li twieldu fis-sena 2016, hekk kif twieldu 96 sett ta’ trabi tewmin u żewġ settijiet ta’ triplets, iridu jittieħdu f’kuntest.
“Il-fatt li żdied in-numru ta’ tewmin irridu neħduh kontra l-isfond ta’ 4,555 wild li kellna fil-pajjiż. Anki dik hi somma rekord meta sa ftit snin ilu waqajna għal 3,500, jiġifieri ir-rata tat-twelid f’Malta qed tiżdied bla dubju ta’ xejn. Issa kellna 96 sett ta’ tewmin jiġifieri n-numru ta’ twins żdied. Dak fl-isfond ukoll li kien hemm żewġ settijiet ta’ triplets biss, li għalina mhux ħafna dawk allavolja dejjem nippruvaw innaqqsuhom is-settijiet ta’ triplets. Il-background huwa ta’ xi 2% issoltu jiġifieri l-fatt li għandna kważi iktar minn 4%, juri l-impatt tax-xogħol tagħna fil-qasam li għandu x’jaqsam mat-trattament tal-fertilità.”
L-effett tal-IVF
Dr Brincat li huwa wkoll id-Direttur Mediku għat-teknoloġija riproduttiva artifiċjali, stqarr kif qed jippruvaw inaqqsu tqaliet b’iktar minn tarbija waħda bit-teknoloġija avvanzata tal-lum. Dawn it-tqaliet huma evidenza tax-xogħol li qegħdin jagħmlu f’dan il-qasam. Ovvjament il-maġġoranza tagħhom dawn it-tqaliet huma fenomenu naturali imma pereżempju, waħda mill-ommijiet li kellha tlett itrabi f’daqqa kellha żewġ bajdiet li waħda żviluppat f’tewmin u l-oħra kienet tarbija singola. Minkejja dan, ma jistenniex li għandha tikber r-rata tat-twelid fit-tewmin jew triplets.
Kompla billi spjegalna li ħafna problemi li jinvolvu t-tewmin ma jkunux ta’ natura ekonomika u fil-fatt qalilna li allavolja l-familja tkun naqra ikbar, il-konsegwenzi ma jkunux severi daqskemm wieħed jaħseb. Anzi ċerti problemi li jinqalgħu jkunu mediċi fejn hemm tendenza żgħira li tewmin jitwieldu qabel. Dan ma jiġrix biss f’każ ta’ tewmin. Ommijiet li jirċievu trattament ta’ fertilità jitqiesu bħala ‘high risk’ anki waqt it-tqala li jista’ jkun iwassal biex iwelldu t-tarbija qabel. Dawn jagħmlu ammont ta’ żmien ġewwa l-NPICU (Neonatal Paediatric Intensive Care Unit). Fortunatament, ħafna minn dawn it-trabi jagħmlu ftit ġranet taħt osservazzjoni u jmorru d-dar fis-sliem.
Dan l-istħarriġ jitfa’ dawl fuq punti interessanti bħall-fatt li s-sena l-oħra twieldu iktar trabi subien milli bniet. Xi ħaġa ta’ min jinnota wkoll hija l-età tal-ommijiet li welldu s-sena l-oħra li tvarja mill-età tenera ta’ 14-il sena sal-età ta’ 47 sena. Minkejja dan, it-tqaliet ta’ tfajliet taħt it-18-il sena qegħdin jonqsu b’mod sinifikanti matul is-snin.
Il-maġġoranza tal-ommijiet li welldu kienu rreġistrati bħala miżżewġin bi 68 fil-mija, filwaqt li 28.2 fil-mija qatt ma kienu miżżewġin u 3.8 fil-mija kienu romol, separati jew divorzjati.
Minn lenti ta’ edukazzjoni, il-maġġoranza tal-ommijiet waslu sa edukazzjoni terzjarja b’36.3 fil-mija. 31.9 fil-mija wieġbu li waslu sa edukazzjoni sekondarja, filwaqt li 25 fil-mija waslu sa edukazzjoni post-sekondarja. Figuri żgħar iżda ta’ min jagħti kashom juru li 3.9 fil-mija ma speċifikawx sa liema stadju edukattiv waslu u 2.8 fil-mija qalu li waslu sal-edukazzjoni primarja jew li m’għandhomx sfond edukattiv.
Il-ħajja li tgħix l-omm waqt it-tqala taffettwa b’mod drastiku l-ħajja tat-tarbija u fortunatament l-ommijiet li jabbużaw minn sustanzi abbużivi fosthom sigaretti, alkoħol u drogi naqsu drastikament u l-maġġoranza ta’ madwar 4,400 ma missewx ma’ dawn is-sustanzi. Is-sigaretti huma l-iktar sustanza li għamlu abbuż minnha li tirriżulta fit-tarbija tiżen inqas min-normal kif ukoll tikkaġuna rata baxxa ta’ twelid.
Dawn huma r-realtajiet li qed jitwieldu fihom iċ-ċittadini ta’ għada. Realtajiet li fil-maġġoranza tagħhom huma lkoll pożittivi.