Iż-żieda mħabbra mit-tliet kumpaniji li jfornu s-servizzi tat-telekomunikazzjoni f’Malta qed tiġi investigata mill-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur.
Din l-investigazzjoni ntalbet mill-Ministru Julia Farrugia Portelli, li hija inkarigata minn din l-Awtorità li tħares, fost oħrajn, il-kompetitività fil-pajjiż skont il-liġijiet ta’ Malta u tal-Unjoni Ewropea.
B’hekk, biż-żidiet imħabbra, dawk il-konsumaturi li ma jħallsux il-kontijiet għas-servizzi tagħhom permezz ta’ debitu dirett – jiġifieri li l-flus jinħarġu b’mod awtomatiku mill-kont tal-klijent – se jesperjenzaw żieda fil-prezz globali.
Madanakollu, dawk li jħallsu permezz ta’ debitu dirett mhumiex se jaraw tibdil fil-prezz globali minħabba li l-prezz oriġinali tas-servizz se jogħla filwaqt li d-differenza titnaqqas minħabba l-mod ta’ kif jitħallsu s-servizzi.
It-tliet fornituri tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni ħabbru dan f’ittra li ntbagħtet lill-klijenti kollha. Fl-ittra l-klijenti ġew infurmati li l-prezz oriġinali tas-servizzi se jogħla mingħand it-tliet fornituri, bit-tnaqqis ikun applikabbli biss f’każ ta’ ħlas f’forma ta’ debitu dirett.
Dan kollu jirrigwardja d-direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar is-Servizzi tal-Ħlas, magħrufa bħala l-PSD2, biex tinċentiva l-ħlas permezz ta’ debitu dirett. Madanakollu, din l-istess Direttiva ma tobbligax lill-fornituri jgħollu d-differenza fil-prezz tas-servizzi biex ikollhom l-istess dħul.
Dwar dan tkellimna mad-Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni tal-Awtorità għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur, li se jkun inkarigat mill-investigazzjoni fuq dawn iż-żidiet.
Huwa spjega li l-kumpaniji lokali qegħdin jiġu nvestigati b’rabta ma’ aġir kollużiv potenzjali, bi ftehim li qed jiġi allegat li kiser il-liġijiet Maltin jew dawk Ewropej li jirrigwardjaw il-kompetittività fis-suq.
“Dan it-tibdil li kien hemm fis-sistema tal-mod ta’ kif saru l-prezzijiet u kif ġew stabbiliti issa, jekk hemmx ksur tal-kompetizzjoni. Jiġifieri l-Uffiċċju jrid jara kemm mil-lat ta’ ksur ta’ artiklu partikolari, li dan jista’ jaffettwa l-kompetizzjoni fis-suq.”
Kif investigazzjoni ta’ dan it-tip tiġi konkluża tingħadda għal stadju ieħor skont l-eżitu tagħha.
“Jekk jinstab li m’hemmx ksur f’dak il-każ, peress li t-talba saret mill-Ministru, ir-rapport jintbagħat lill-Ministru, fejn inkunu qegħdin ngħidu għaliex ma kienx hemm ksur. Jista’ wkoll, wara li jitneħħew affarijiet kunfidenzjali, jiġi ppubblikat fuq il-website tal-Awtorità. Jekk, mill-banda l-oħra, jinstab li hemm ksur tal-Att, allura f’dak il-każ l-Uffiċċju jressaq il-każ il-Qorti.”
Min-naħa tiegħu, l-Ewroparlamentari Laburista Alex Agius Saliba qal li l-iskontijiet li qed jipproponu l-kumpaniji tat-telekomunikazzjoni f’pajjiżna mhumiex inċentivi imma ħlas żejjed li qed jimponu fuq kulħadd, bil-klijenti jingħataw lura l-flus żejda li jkunu ħallsu, u dan isir biss meta jħallsu l-kont permezz ta’ debitu dirett.
Huwa rrimarka li b’din l-imġiba se jkunu dawk l-aktar vulnerabbli, bħall-anzjani jew dawk li jagħmlu inqas użu mit-teknoloġija, li l-aktar li se jintlaqtu.