“Bħala żgħażagħ, inqisu l-investiment li qed isir ta’ kull sena fl-edukazzjoni u t-taħriġ bħala turija li l-Gvern qed jimpenja ruħu biex jara li kulħadd ikollu l-għodda neċessarja biex isib impjieg xieraq. Laqatna b’mod speċjali il-proġett li ser jiġi mniehed li permezz tiegħu, il-futbol se jiġi użat biex jinkoraġġixxi tfal bi problema ta’ illitteriżmu biex jitgħallmu jaqraw”.
Dan kien kliem il-Forum Żgħażagħ Laburisti b’reazzjoni għall-baġit għall-2017. Innotaw li l-Gvern huwa impenjat ukoll biex ikompli jibni skejjel moderni li joffru ambjent edukattiv isbaħ u xieraq lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna, filwaqt illi ser ikompli jestendi u jirrenova skejjel eżistenti.
Esprimew apprezzament lejn l-impenn li l-Gvern qed juri, għal sena oħra, biex iżid l-istipendji pro-rata, filwaqt li l-istudenti li jkollhom bżonn jagħmlu sena addizzjonali fl-istudji tagħhom se jibdew jirċievu stipendju. Barra minn hekk ser issir reviżjoni tat-threshold għall-eligibbiltà tal-istipendju supplementarju għal min ikollu diffikultajiet finanzjarji.
L-iżvilupp li għaddej fl-Università, fl-MCAST u fil-kampus il-ġdid tal-ITS fi Smart City se jissokta u magħhom ser jiżdiedu estensjonijiet għal numru ta’ binjiet fl-Università fosthom il-Materials Engineering Lab, u l-bini ta’ Matematika u l-Fiżika u rinovazzjoni fil-kampus tal-Belt u fil-Junior College. Barra minn hekk, FŻL osservaw li ġiet irikonoxxuta l-problema li ilha teżisti snin twal fl-Università: il-Gvern ser jikkontribwixxi għal Community Car Park f’ tal-Qroqq.
Fl-MCAST ukoll kien hemm investiment qawwi; din id-darba f’forma ta’ introduzzjoni ta’ Research Framework li jassigura li l-livell ta’ tagħlim ikompli jitjieb u l-kooperazzjoni mal-industrija tibqa’ b’saħħitha, kemm għal benefiċċju ta’ studenti preżenti u dawk prospettivi.
“Huwa ta’ sodisfazzjoni għalina wkoll li naraw li programmi ta’ taħriġ immirati biex jagħtu t-tieni ċans lil żgħażagħ li ma komplewx l-edukazzjoni formali tagħhom għadhom parti integrali mill-pjan tal-Gvern biex isaħħaħ ir-riżorsi umani tal-pajjiż. Fuq quddiem f’dan ir-rigward insibu il-Garanzija għaż-Żgħażagħ” żiedu jgħidu fl-istqarrija.
Innotaw li l-Gvern se jkun qed jinvesti €312 f’kull żagħżugħ u żagħżugħa li se jagħlqu 18-il sena, permezz ta’ sena vvjaġġar b’xejn b’tal-linja. “Nemmnu li din il-miżura hija waħda għaqlija u li qed tgħaddi messaġġ dirett lil dawn iż-żgħażagħ biex jidraw ma jiddependux fuq il-vetturi personali tagħhom la darba jġibu l-liċenzja tas-sewqan”.
Innotaw b’sodisfazzjon li l-first-time buyers jistgħu iserħu rashom li l-iskema ta’ eżenzjoni mit-taxxa tal-boll fuq l-ewwel €150,000 qed tiġi estiża għal sena oħra, u addizzjonalment dawn il-koppji żgħażagħ se jkunu jistgħu igawdu minn skemi ġodda ta’ rifużjoni ta’ spejjeż ta’ restawr fuq il-propjetà tagħhom.
Il-FŻL qal li se jsegwi bi ħġaru u jipparteċipa fil-konsultazzjoni dwar l-estensjoni għalI-Vot16 għall-elezzjonijiet ġenerali u tal-Parlament Ewropew.
Il-Forum qal li jinsab kburi li fil-baġit issemmiet il-proposta tal-liġi kontra l-prattiċi tal-konverżjoni, li bħala għaqda tkellimna fuqha iktar kmieni din is-sena, kif ukoll il-proċess ta’ konsultazzjoni dwar l-għoti tad-demm minn persuni omosesswali; proposta li kienet din l-għaqda li resqet il’quddiem f’Settembru.
“B’hekk ninsabu kburin li, mhux biss b’ekonomija li qed tiffjorixxi, iżda anke bl-aġġornament ta’ leġislazzjoni, il-Gvern qed joħloq ġid li jasal għand kulħadd”.