Il-Forum Żgħażagħ Laburisti laqa’ l-miżuri mħabbra mill-Gvern fil-budget għas-sena d-dieħla, u qal li dan huwa tassew l-akbar u l-aqwa budget li qatt rat Malta fl-istorja moderna tagħha, minkejja li għaddejjin minn diversi sfidi li ġabet magħha l-imxija mhux biss f’pajjiżna imma fid-dinja kollha.
“Dan il-budget, imsejjes fuq il-prinċipju tal-ġustizzja soċjali, saħħaħ l-investiment fiż-żgħażagħ. Id-diversi miżuri jinkludu ż-żieda fl-istipendju, internet b’xejn għall-istudenti li jkomplu jistudjaw, l-għoti tal-vouchers lil żgħażagħ li għandhom aktar minn 16-il sena, qafas regolatorju għat-tagħlim online, il-bini tal-Kumpless Sportiv fl-Università u dak tal-Iskola tal-Arti Performattiva”, qal il-Forum Żgħażagħ Laburisti.
Il-Forum Żgħażagħ Laburisti tenna li l-Għawdxin se jkunu mgħejjuna b’miżuri ta’ konnettività bejn iż-żewġ gżejjer fosthom il-fast ferry u r-raba’ vapur tal-Gozo Channel b’mod permanenti, l-akkomodazzjoni għall-istudenti f’Malta, it-tieni fibre optic cable u r-rotta diretta X300.
Dan kollu jirrifletti l-għanijiet li l-FŻL jemmen u jaħdem fuqhom, li ħadd ma jitħalla lura u li ż-żgħażagħ għandhom jiġu mgħejjuna u jingħataw kull opportunità biex ikomplu jistudjaw.
Il-Forum Żgħażagħ Laburisti qabel ukoll mal-inizjattivi fil-budget li huma maħsuba biex itejbu l-oqsma tal-ambjent, tal-edukazzjoni, tal-investiment u tal-konnettività ta’ Malta, għaliex dawk joħolqu ħafna opportunitajiet, partikolarment għaż-żgħażagħ.
Dan huwa budget b’pedament sod għall-10 snin li ġejjin.