Għat-tieni sena konsekuttiva Malta kien wieħed mal-pajjiżi li pparteċipat fl-attività anwali ta’ Erasmus days.
Attività li ta’ kull sena tiġbor miljun ta’ persuni minn madwar id-dinja u li fl edizzjoni tal-2017 ħadu sehem iktar minn 11-il pajjiż differenti f’iktar minn 650 avveniment.
Din is-sena il-Kunsill Lokali taż-Żejtun esponew ftit mix-xogħol li seħħ waqt l-attivitajiet li ħadu sehem fihom grazzi għall-programm Erasmus +.
ONE News tkellem ma’ Stephani Fenech, Youth Worker, li qalet li dan huwa “programm ta’ proġetti li żgħażagħ u persuni iktar adulti jistgħu jibbenifikaw minnhom fosthom anke youth workers u nies li partikolarment jaħdmu f’oqsma differenti fosthom sports żgħażagħ u karrieri tista’ tgħid”
Huma spjegaw ukoll li tul is-sena kellhom l-opportunità li jżuru postijiet barra minn xtutna u wkoll jilqgħu żgħażagħ barranin sabiex iduqu u jesperjenzaw il-kultura Maltija:
“Ibbenifikajna minn ħafna fondi biex inkunu nistgħu kemm nibgħatu żgħażgħ barra minn Malta u nġibu żgħażagħ hawn. L-esperjenzi huma sbieħ ħafna, għax li tmur u tiltaqa’ ma żgħażagħ minn pajjiżi differenti tal-Ewropa, tista’ tqatta ġimgħa magħhom u naħdmu fuq tema flimkien b’mod informali għaż-żgħażagħ hija esperjenza li żgur ma jinsew qatt”.
Waħda mill-parteċipanti fi ħdan il-Kunsill Lokali taż-Żejtun, Kylie Fenech, faħħret dan il-programm għaliex jgħin fil-maturità ta’ kull min jieħu sehem speċjalment iż-żgħażagħ:
“Aktar kemm ippartiċipajt u aktar kemm se nibqa’ nipparteċipa aktar ħassejtni li qed nimmatura u li qed niftaħ l-oriżżonti tiegħi aktar u niltaqa’ ma aktar nies, iċ-ċirku tal-ħbieb dejjem jibqa’ jikber u apparti minn hekk, moħħi isir aktar miftuħ għax niltaqa’ ma iktar problemi u sitwazzjonijiet li jekk jiena nibqa’ hawn Malta kapaċi li qatt ma niltaqa’ magħhom”.