Iż-żgħażagħ Maltin, li jgħoddu bejn it-tmintax u d-disgħa u għoxrin sena huma l-aktar ottimisti dwar il-ġejjieni tagħhom fost is-sebgħa u għoxrin pajjiż tal-Unjoni Ewropea.
Dan ħareġ minn rapport tal-aġenzija tal-Unjoni Ewropea, Eurofound f’rapport ippubblikat dan ix-xahar u l-istħarriġ sar fix-xhur tar-rebbiegħa ta’ din is-sena.
Minn dan ir-rapport joħroġ kif kważi tliet kwarti taż-żgħażagħ Maltin huma l-aktar ottimisti dwar il-ġejjieni tagħhom. Waqt li jsegwu lil Malta hemm il-Latvja u l-Islovenja.
Dan filwaqt li f’pajjiżi kbar bħal Ġermanja, Franza u l-Italja, kważi nofs iż-żgħażagħ biss huma ottimisti dwar il-futur tagħhom.
B’dawn il-pajjiżi jinsabu ma’ tal-aħħar, hekk kif fl-aħħar tliet postijiet hemm il-Greċja, il-Polonja u Spanja.
Dan filwaqt li l-medja tal-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea hija ta’ 48%, 26% inqas mir-rata taż-żgħażagħ Maltin.
Meta tqabbel ir-rata ta’ pajjiżna mas-sena li għaddiet, kien hemm żieda ta’ 15%, hekk kif is-sena li għaddiet kważi 60% taż-żgħażagħ Maltin kienu ottimisti dwar il-futur tagħhom.
F’dan ir-rapport ħareġ ukoll kif il-qgħad fost iż-żgħażagħ f’pajjiżna waqt pandemija huwa ta’ 5%.
Dan jiżboq sew il-medja tal-pajjiżi Ewropej, hekk kif din hija ta’ 7%.
Hawnhekk ukoll pajjiżna jaqbeż sew lill-pajjiżi kbar bħal Franza, l-Italja, il-Finlandja u l-Iżvezja.