Minn ċifri li ħarġu mill-Uffiċċju tal-istatistika Ewropew, il-Eurostat, iż-żgħażagħ Maltin ta’ bejn s-16 u d-29 sena, huma fost l-aktar li kuljum jużaw l-Internet meta mqabbel ma’ żgħażagħ tamparhom fl-Unjoni Ewropea kollha.
99.4% taż-żgħażagħ Maltin jużaw l-Internet kuljum. B’hekk iż-żgħażagħ f’pajjiżna huma t-tieni l-aktar li jużaw l-internet kuljum minn fost is-27 stat membru tal-UE. Iż-żgħażagħ Irlandiżi huma l-aktar li jużaw l-internet b’rata ta’ 100%. Madankollu il-Eurostat indikat li r-rata tal-Irlanda mhix wisq affidabbli.
Ir-rata taż-żgħażagħ Maltin li jużaw l-internet kuljum hi iżjed mill-medja fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, li hi ta’ 96.3% jew 3.1% inqas minn pajjiżna. Ir-rata ta’ żgħażagħ Maltin li jużaw l-internet kuljum hi akbar minn ta’ pajjiżi ferm akbar minnha, inkluż ta’ Franza (96.7%), il-Ġermanja (94.9%) u l-Italja (94%).
Għaż-żgħażagħ Maltin, l-internet huwa meqjus bħala dritt neċessarju għalihom, minħabba li jintuża, fost l-oħrajn, għar-riċerka fl-istudju tagħhom jew biex jagħmlu kuntatt ma’ qrabathom u sħabhom.
Gvern Laburista fl-aħħar snin, introduċa miżuri relatati, fosthom biż-żieda fl-istipendji għal dawk li jkomplu jistudjaw f’istituzzjoni edukattiva wara s-sekondarja, sena wara oħra, u anki bil-miżura, li madwar 3,200 student qegħdin igawdu minn internet b’xejn.
Għat-tielet sena konsekuttiva, bħala appoġġ fit-tagħlim tagħhom, f’Mejju li għadda, l-istudenti reġgħu ngħataw vawċer ta’ €300. Minbarra hekk, fil-Baġit għal din is-sena, il-Gvern taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela, b’investiment ta’ €50 miljun, aktar minn 32,000 student tal-Form 1; tas-seba sena qed igawdu minn laptops ġodda b’xejn.
Sadanittant, iċ-ċifri tal-Eurostat juru wkoll kif anke fost il-popolazzjoni Maltija għandna fost l-aktar rati għoljin ta’ dawk li jużaw l-internet. 89.5% tal-poplu Malti jużaw l-internet kuljum.