66 sena ilu – beda l-operat tal-Forum Żgħażagħ Laburisti li dak iż-żmien kien jisimha Għaqda żgħażagħ soċjalisti. Bl-għan ewlieni li tippromovi l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-politika filwaqt li toħloq aktar ġustizzja soċjali fis-soċjetá tagħha.
Fil-passat riċenti l-FŻL ħadmet u kienet strumentali għal diversi riformi f’pajjiżna, fosthom l-introduzzjoni tad-divorzju u libertajiet ċivili oħra. Il-Forum taż-żgħażagħ ħadem ukoll f’diversi kampanji elettorali ewlenin fosthom l-aktar kampanja riċenti I’M IN, Charge the vote, l-elezzjonijiet tal-MEPs u Start kif ukoll fil-kampanji tal-Kunsilli Lokali.
Il-Forum żgħażagħ Laburisti huwa ukoll affiljat mal-Young European Socialists u mal-għaqda internazzjonali taż-żgħażagħ soċjalisti IUSY, bl-2014 tara għall-ewwel darba f’pajjiżna l-festival internazzjonali tal-għaqda internazzjonali.
F’kummenti ma’ ONE.COM.MT il-President tal-FŻL Alex Saliba spjega li matul l-aħħar 66 sena, l-FŻL serviet bħala tarġa politika għal diversi mexxejja fi ħdan il-Partit Laburista. Fil-kumment tiegħu huwa qal li minkejja li din l-għaqda evolviet matul iż-żminijiet xorta waħda tibqa’ rikonoxxenti lejn il-mijiet ta’ membri żgħażagħ li kienu attivi fi ħdana sa mill-bidu tagħha.
“Il-membri kienu katalisti għal bidliet soċjali kbar fil-pajjiż, żgħażagħ li kienu fuq quddiem nett ta’ wħud mill-akbar ġlidiet li kellu l-Moviment tal-ħaddiema speċjalment matul is-snin diffiċli tal-interdett u l-ġlieda għall-ħelsien, illum għalkemm l-FŻL evolviet sabiex tibqa’ għaqda rilevanti għaż-żgħażagħ xorta waħda għadha timxi fuq l-istess linja ta’ ħsieb ewlieni. Dak li aktar żgħażagħ jagħmlu l-pass u jersqu l’quddiem fid-dinja politika,” spjega l-President tal-Forum Żgħażagħ Laburisti.
Huwa temm jgħid li l-FŻL se tkompli taħdem biex kif kienet protagonista ewlenija matul il-Kampanja elettorali li għaddiet terġa’ tkun mill-ġdid fiċ-ċentru tal-ħidma tal-Partit Laburista fix-xhur li ġejjin.