Il-fergħa taż-żgħażagħ tal-Partit Laburista nediet il-kampanja INDAQS, li se tkun qed tikkomunika il-viżjoni ta’ din il-fergħa favur l-ugwaljanza għas-sentejn li ġejjin.
L-għan ta’ din il-kampanja huwa mhux biss li jitwassal messaġġ ta’ ugwaljanza iżda wkoll li joħorġu ideat u proposti waqt diskussjonijiet li se jiġu organizzati.
Fit-tnedija tal-kampanja l-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela, wassal il-messaġġ li lkoll għandna nkunu kburin b’dak li kiseb pajjiżna fil-qasam tal-libertajiet ċivili.
Filwaqt li nnota li pajjiżna issa ilu s-snin ikun fuq quddiem nett f’dan il-qasam, aċċenna għall-fatt li issa spiċċat id-diskriminazzjoni kontra persuni gay fejn jidħol l-għoti tad-demm.
Huwa semma’ wkoll diversi miżuri li Gvern Laburista daħħal fis-seħħ biex illum il-ġurnata l-pajjiż jinsab fuq quddiem nett fejn jidħlu d-drittijiet ċivili.
“Nista’ nsemmi ħafna dwar dak illi għamilna, dwar x’għamel dan il-partit fl-aħħar snin illi ilu fil-Gvern; miżuri li wasslu biex konna, għadna, u se nibqgħu ċ-champion tal-ugwaljanza. Xtaqt insemmi ftit mid-diversi miżuri li għamilna. Insemmi ż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess, insemmi l-introduzzjoni tad-dritt tal-adozzjoni minn koppji tal-istess sess, insemmi mbagħad is-servizz tal-IVF b’xejn lil koppji leżbjani filwaqt li, bl-emendi l-ġodda fl-ewwel mitt jum ta’ dan il-Gvern, neħħejna l-affinità bħala ostaklu għad-donazzjoni tal-gameti.”
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-ġejjieni f’dan il-qasam, b’miżuri fil-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista li jridu jiġu implimentati fis-snin li ġejjin.
“Fis-snin li ġejjin irridu, u se nwessgħu, is-servizzi offruti lill-persuni transġender billi nibdew noffru l-operazzjoni għal gender reassignment bla ħlas bħala parti mis-servizz pubbliku tas-saħħa tagħna; jiġifieri dan l-intervent ikun fuq l-NHS. Se nkunu qegħdin nadottaw strateġija u pjan ta’ azzjoni ġdid għal komunità LGBTIQ+ għal ħames snin illi ġejjin. Se nwaqqfu wkoll tim interdixxiplinarju dwar il-persuni intersex biex inħarsu id-drittijiet ta’ dawn il-persuni u d-drittijiet tal-familji tagħhom.”
Il-Prim Ministru qal ukoll li għaddejja ħidma biex jiżdiedu fil-formolarju mediċini li huma essenzjali fil-prevenzjoni tat-tixrid tal-HIV u ċentru għall-komunità LGBTIQ+ li joffri s-servizzi u l-faċilitajiet tal-Gvern minn post wieħed.
Huwa temm id-diskors tiegħu billi awgura li din il-kampanja tħalli l-frott, filwaqt li fetaħ il-bibien tiegħu għal aktar proposti u ideat mingħand iż-żgħażagħ.
Fl-intervent tiegħu, il-President taż-Żgħażagħ Laburisti, Georvin Bugeja, irrimarka li l-fergħa laqa’ bi pjaċir l-aħbar li persuni gay issa jistgħu jagħtu d-demm bla diskriminazzjoni.
Intant, it-tnedija tal-kampanja INDAQS issoktat b’diskussjoni li matulha nqasmu diversi esperjenzi dwar dan il-qasam.
Fost dawk li tkellmu kien hemm Gaby Calleja, mid-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista u Deputat Parlamentari, Randolph DeBattista, u Amanda Cossai.
Preżenti wkoll kien hemm is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, Rebecca Buttigieg, u l-Membru Parlamentari Ewropew Laburista, Cyrus Engerer.
Is-Segretarju Ġenerali taż-Żgħażagħ Laburisti, Maria Ellul, qalet li matul din il-kampanja mistennija jiġu diskussi d-diversi aspetti tal-ugwaljanza.
“Peress li bħalissa ninsabu fi Pride Month, ħassejna li huwa xieraq li nibdew din il-kampanja permezz ta’ diskussjoni fuq l-ugwaljanza kif ukoll il-komunità LGBTIQ, jiġifieri tul dawn is-sentejn bħala Żgħażagħ Laburisti se nkunu qed nibdew diskussjoni dwar l-isfera wiesgħa tal-ugwaljanza kif ukoll policies li nixtiequ nmexxu ’l quddiem f’dan ir-rigward.”