Fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, il-fergħa taż-żgħażagħ tal-Partit Laburista mmarkat kapitlu ġdid fl-istorja tagħha permezz tal-ħatra ta’ eżekuttiv ġdid.
Waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali taż-Żgħażagħ Laburisti inħatru 15-il membru tal-Eżekuttiv wara li ntlaqgħu n-nominazzjonijiet. L-ebda kariga ma ġiet ikkontestata, u b’hekk ma kienx hemm bżonn li ssir elezzjoni skont l-istatut ta’ Żgħażagħ Laburisti.
Il-President tal-fergħa, Georvin Bugeja, se jkun qed iservi għat-tieni terminu tiegħu bħala l-President ta’ Żgħażagħ Laburisti.
F’kummenti ma’ ONE News, Bugeja tkellem dwar il-ħidma taż-Żgħażagħ Laburista għas-sentejn li ġejjin.
Qal, “Il-ħidma se tkun ibbażata fuq diversi binarji. L-ewwel nett, li nżommu l-kuntatt maż-żgħażagħ fuq id-diversi livelli, irridu nkomplu nsaħħu l-ħidma politika tagħna u anki l-livell internazzjonali li jkompli jissaħħaħ. Irnexxielna niksbu reputazzjoni tajba f’dawn is-sentejn illi għaddew u rridu nkomplu nsaħħu dak. Imma, fuq livell politiku, irridu nkomplu nkunu aħna, bħala Żgħażagħ Laburisti, illi nressqu ’l quddiem ideat.”
Dan huwa l-ewwel eżekuttiv li qiegħed jinħatar wara l-elezzjoni ġenerali tal-sitta u għoxrin ta’ Marzu, li l-Partit Laburista rebaħha bl-akbar maġġoranza fl-istorja ta’ Malta sovrana.
Għas-sentejn li ġejjin, spalla ma’ spalla mal-President Georvin Bugeja, se jkun hemm Christian Cauchi bħala Viċi-President, Maria Ellul bħala Segretarju Ġenerali, u Mikela Abela bħala Deputat Segretarju Ġenerali.
Maxilin Pisani se tkun qed tassumi l-irwol ta’ Uffiċjal Finanzjarju, Miguel Cauchi se jerġa’ jassumi l-irwol ta’ Uffiċjal Politiku, Miguel Abela se jkun l-Uffiċjal għall-Informazzjoni, Martina Grech l-Uffiċjal Internazzjonali, Tonio Farrugia se jassumi l-irwol ta’ Uffiċjal għar-Riżorsi Umani, u Mohamed El Bakry se jkun l-Uffiċjal Organizzattiv.
Ruslana Barbara, Natalia Muscat, Pearl Agius, Mario Fenech u Luca Schembri se jassumu l-irwol ta’ membri fi ħdan il-fergħa Żgħażagħ Laburisti.
Waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali nqara r-rapport finanzjarju għas-snin bejn l-elfejn u għoxrin u l-elfejn tnejn u għoxrin.
Id-Deputati Mexxejja tal-Partit Laburista, flimkien mal-President tal-Partit, indirizzaw lil dawk preżenti.
Id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament, Chris Fearne ħeġġeġ liż-żgħżagħ fil-Partit biex ikomplu jisfidaw l-istatus quo filwaqt li jkomplu jixprunaw il-bidla.
Huwa qal li, għall-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali, irid jara mitt kandidat żgħażugħ.
Id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit, Daniel Micallef, qal li, b’differenza minn żminijiet oħra, dak li llum joħolmu ż-żgħażagħ jista’ jinstema’ u jitwettaq f’pajjiżna.
Il-President tal-Partit, Ramona Attard, appellat biex iż-żgħażagħ ma jiqfux ikunu katalisti tal-bidla fi ħdan il-Partit Laburista.
Preżenti għal din il-laqgħa tal-fergħa żagħżugħa kien hemm diversi deputati Laburisti u membri mill-Amministrazzjoni tal-Partit.