In-numru taż-żgħażagħ jirreġistraw għax-xogħol baqa’ jonqos b’mod qawwi u konsistenti fl-aħħar għaxar snin, parti mir-riżultati storiċi tal-qgħad li għandu llum pajjiżna u fost l-inqas fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Aktar dawl fuq dan intefa’ permezz ta’ mistoqsija Parlamentari, li saret mid-Deputata Laburista Naomi Cachia lill-Ministru għall-Finanzi, Clyde Caruana.
Mit-tweġiba ppubblikata mill-Ministru u bbażata fuq informazzjoni tal-aġenzija JobsPlus, joħroġ kif in-numru ta’ żgħażagħ jirreġistraw għax-xogħol bejn Jannar tal-2012 u Awwissu ta’ din is-sena naqsu b’mod sinifikanti.
Ħarsa lejn dawn in-numri turi li, f’temp ta’ għaxar snin, dawk iż-żgħażagħ li l-età tagħhom tvarja bejn is-sittax u d-disgħa u għoxrin sena naqsu b’aktar minn disgħin fil-mija. Fil-fatt, il-qgħad fl-aħħar xhur hu biss ekwivalenti għal disgħa fil-mija ta’ dak li kien f’Jannar tal-2014, ix-xahar li fih ġie rreġistrat l-ogħla numru minn dawn iż-żgħażagħ ifittxu x-xogħol.
F’Jannar 2014 kienu 2,056 żagħżugħ u żagħżugħa li rreġistraw għax-xogħol, filwaqt li f’Lulju li għadda kienu biss 192.
Meta wieħed jieħu l-medja ta’ dawk li jirreġistaw, it-tnaqqis hu simili. Dan għax il-medja ta’ żgħażagħ jirreġistraw fl-2012, l-aħħar sena sħiħa ta’ Gvern Nazzjonalista, u l-2013, li kellha l-ogħla medja, laħħqu għal elf, disa’ mija, erbgħa u għoxrin, u elf, disa’ mija, ħamsa u sittin żagħżugħ/a rispettivament.
Dawn iċ-ċifri jikkuntrastaw ferm mal-medja fost dawk li kienu qed jirreġistaw din is-sena li niżlet b’mod konsistenti għal mitejn sitta u tletin persuna biss bejn Jannar u Awwissu ta’ din is-sena, skont l-aħħar dejta ppubblikata.
Dan it-tnaqqis drastiku f’din il-kategorija ta’ età seħħ minkejja t-tkabbir fil-popolazzjoni u jirrifletti partikolarment it-tkabbir ekonomiku li esperjenza pajjiżna fl-aħħar għaxar snin, grazzi għall-politika tal-Gvern Laburista li baqgħet tinċentiva l-bżulija.
Dan seħħ ukoll f’kull kategorija oħra ta’ etajiet li jfittxu x-xogħol.