L-ekonomija, is-saħħa mentali, Għawdex u l-ugwaljanza.
Dawn huma biss xi wħud mis-suġġetti li ddiskutew iż-żgħażagħ waqt attività mtella’ mill-Forum Żgħażagħ Laburisti bħala parti mill-inizjattiva tal-mitt idea li qed iħejji l-Partit Laburista.
Il-President tal-Forum Żgħażagħ Laburisti Georvin Bugeja saħaq li dawn l-ideat ser ikunu strumentali u parti integrali fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista fl-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Dan filwaqt li d-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista stqarr li dan il-kunċett huwa wieħed sabiħ għaliex qed issir meta l-Partit Laburista jinsab fil-pożizzjoni unika li fih għandu mandat li jimplimenta.
Huwa kompla jgħid li l-moħħ żagħżugħ jitqanqal b’idea ġdida u jmur lil hinn mill-istatus quo u temm jgħid li l-Partit Laburista jrid ikompli jtajjar il-bandiera progressiva fejn l-ekonomija tkun fiċ-ċentru biex minn hemm il-partit ikun kapaċi jimplimenta l-ġustizzja soċjali.
Preżenti għal dan il-workshop kien hemm ukoll il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela fejn stqarr li fl-elezzjoni ġenerali li jmiss il-kandidatura għandha tkun waħda aktar żagħżugħa u b’parteċipazzjoni akbar ta’ nisa.
Hu saħaq li ż-żgħażagħ mhumiex il-mexxejja t’għada imma l-mexxejja tal-lum u stqarr li kull fejn hemm mexxejja li huma żgħażagħ hemm riżultati ta’ suċċess għaliex ir-realtà hi li ż-żgħażagħ jagħmlu differenza enormi.
Il-Prim Ministru tenna li għandu jkollna l-kuraġġ li nibdlu u qal li meta tkun fil-Gvern irid ikollok kuraġġ akbar għaliex hija faċli li taqa’ fin-nassa li tkompli miexi qisu xejn mhu xejn.
Hu stqarr li minkejja li ilna seba’ snin fil-Gvern, qed inkunu aġenti u katalisti tal-bidla u l-bidla kapaċi jagħmluha ż-żgħażagħ għax mhumiex limitati bil-forom tradizzjonali.
Dr Abela tenna li l-kelma ‘medjokrità’ mhijiex parti mill-vokabularju tal-Partit Laburista għaliex il-moviment Laburista huwa moviment ta’ suċċess.
Il-Prim Ministru temm jistqarr li waqt din l-attività mtella’ bil-kuraġġ jisma’ l-profonditá tal-argumenti li tkellmu fuqhom dawn iż-żgħażagħ.