Iż-żgħażagħ huma kruċjali fil-ħidma għall-paċi. Dan kien il-messaġġ ewlieni li wasslet Malta fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda fi New York, fl-Istati Uniti tal-Amerka, meta ġie diskuss ir-rwol taż-żgħażagħ fl-indirizz tal-isfidi marbutin mas-sigurtà fil-Mediterran.
ONE News kien preżenti għal dan id-dibattitu fil-binja tal-Ġnus Magħquda, hekk kif il-midja Maltija ngħatat l-opportunità ssegwi mill-qrib il-ħidma li qed twettaq Malta, fil-kuntest li fl-aħħar jiem, pajjiżna beda t-tieni terminu tiegħu u dan ix-xahar bħala l-President tal-Kunsill tas-Sigurtà.
Fl-indirizz tiegħu bħala President tal-Kunsill, iżda wkoll bħala l-Ministru Malti għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, Ian Borg irrimarka l-isfidi kumplessi marbutin mas-sigurtà li qed jiffaċċja l-Mediterran, bħat-tensjonijiet ġeopolitiċi, il-konflitti, it-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti, it-tibdil fil-klima u s-sigurtà onlajn.
Innota kif il-kumplessità ta’ dawn l-isfidi ssejjaħ għal reazzjoni ħolistika biex jiġu indirizzati mill-għeruq tagħhom.
Il-Ministru Borg spjega li, fir-reġjun tal-Mediterran, wieħed minn kull tliet persuni għandhom taħt il-ħamsa u għoxrin sena u, sfortunatament, iż-żgħażagħ ħafna drabi jingħataw il-ġenb u jkunu esklużi minn proċessi li jaraw it-teħid tad-deċiżjonijiet.
Għaldaqstant tenna l-bżonn ta’ deċiżjonijiet tanġibbli biex dan ma jibqax iseħħ u ż-żgħażagħ ikunu parti mit-teħid tad-deċiżjonijiet li jwasslu għall-paċi u s-sigurtà fil-Mediterran.
Hawnhekk qal li l-Kunsill tas-Sigurtà jrid jaħdem biex joffri spazju akbar liż-żgħażagħ fejn ikunu jistgħu jersqu ’l quddiem f’forza pożittiva u jibnu soċjetajiet paċifiċi u reżiljenti.
Fl-għeluq tal-messaġġ tiegħu, il-Ministru enfasizza t-twemmin tiegħu li l-koperazzjoni tibqa’ ċ-ċavetta biex dawn l-isfidi jiġu indirizzati u l-pajjiżi fil-Mediterran għandhom jirdoppjaw l-isforzi biex jisfruttaw il-potenzjal tal-popli tagħhom ħalli jibnu soċjetajiet inklussivi u jwittu t-triq għal futur prosperu u paċifiku.