In-newtralità, l-ambjent, il-kultura, il-kwalità tal-ħajja u s-saħħa sesswali.
Dawn kienu t-temi prinċipali li ġew diskussi waqt attività organizzata mill-Partit Laburista fost il-komunitajiet fejn din id-darba kien imiss li tkun maż-żgħażagħ.
Din l-attività kienet unika għal fatt li kienu ż-żgħażagħ stess li ddettaw is-suġġetti ta din il-laqgħa, fejn semmgħu leħinhom u qasmu l-aspirazzjonijiet tagħhom dwar Malta.
Fil-fatt, iż-żgħażagħ qasmu flimkien ħsibijiet u ideat liberi dwar diversi suġġetti li jiltaqgħu magħhom ta’ kuljum.
Fost dawk li attendew għal din l-attività kien hemm iż-żagħżugħ Gabriel Sciberras li kien minn tal-ewwel li qasam l-ideat tiegħu.
“L-attiviżmu huwa kunċett kruċjali għalina ż-żgħażagħ u proprju għażilt biex inħaddan dawn il-prinċipji li jħaddan il-Partit Laburista għaliex jiena favur iż-żgħir, favur il-fqir, favur il-batut u jekk wieħed jagħti ħarsa anka l-aspett leġiżlattiv kif dejjem jiġu promulgati l-liġijiet u anka l-aspett soċjali, dan il-partit ħaddan dawn il-valuri.”
Gabriel Sciberras
Dan l-istazzjon ħa r-reazzjoni ta’ wħud miż-żgħażagħ li tkellmu waqt din l-attività.
Fl-intervent tiegħu, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela stqarr l-importanza li f’pajjiżna kulħadd iħossu liberu biex jaqsam l-ideat tiegħu mingħajr il-biża’ li jiġi preġudikat.
Il-Prim Ministru qal li dawn il-ħsibijiet, imressqa anke minn kandidati prospettivi biex jirrapreżentaw il-Kunsilli Lokali, jkomplu juru l-importanza li pajjiżna ma għandux jibża mill-bidla.