B’ħames mitt ruħ jattendu kull sena ‘iż-Żgħażagħ Brijużi’ ta’ Ħad Dingli jorganizzaw waħda mill-ikbar attivitajiet fir-raħal meta nhar it-Tnejn itellgħu l-Majjalata annwali. Din id-darba ddeċidew ukoll li minbarra li joffru ikla bnina lil dawk kollha li jattendu jieħdu wkoll ħsieb l-ambjent. Għalhekk qed iħeġġu lil kull min jattendi biex jieħu miegħu, platti, frieket u skieken li mbagħad jerġgħu jintużaw. Dan bil-għan li jnaqqsu l-użu tal-plastik ta’ darba biss. F’atmosfera mill-isbaħ li seddaq l-ispirtu ta’ komunità dawn iż-żgħażagħ itellgħu numru ta’ attivitajiet. Fost oħrajn iż-‘Żgħażagħ Brijużi Dinglin’ niedew CD ġdid, taħt id-direzzjoni ta’ Mike Spiteri. L-iskop wara dan is-CD kien illi l-mużika għal briju tal-festa ta’ Santa Marija f’Ħad-Dingli, tkun waħda aktar moderna, oriġinali u relevanti għal din il-festa, mill-marċi li jindaqqu f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex.
Għaldaqstant waħda mill-prijoritajiet ta’ dan is-CD kien li jkun magħmul mid-Dinglin għad-Dinglin, b’talent lokali, u lirika relevanti għar-raħal u l-festa. Ipparteċipaw fil-produzzjoni ta’ din is-CD 16-il persuna minn Ħad-Dingli stess, inkluż dawk li kitbu l-lirika, mużika u anke li kantaw f’din ic-CD. Il-qoxra tas-CD u anke l-filmat għal mad-diska oriġinali ‘Ilkoll Madwarek’, ġew iddisinjati u maħduma minn żgħażagħ li wkoll huma attivi fil-komunità Dinglija.