Kelma li qed nisimgħu spiss dwarha waqt din il-pandemija hija l-kelma kwarantina. Dan huwa t-titlu ta’ ktieb ta’ Jim Crace li ġie trodott għall-Malti minn Charles Flores.
F’dan il-ktieb, l-awtur uża l-mixja ta’ Ġesu fid-deżert, meta kellu diversi tentazzjonijiet u qabilhom mal-problemi li ra l-awtur fl-Ingilterra fi żmien l-eks Prim Ministru Margaret Thatcher.
Flores fissrilna: “Huwa ktieb dwar il-kwarantina, jiġifieri s-sawma li qatta’ Ġesù Kristu fid-deżert, aktar minn elfejn sena ilu, però minn għajnejn awtur illi ħalla l-fantazija tiġri bih, ħalla l-ideat tiegħu jidħlu propju fl-istorja ħoloq storja, għamel allegorija illi minnha tiskanta kemm joħorġu stejjer ħelwin u sbieħ.”
Flores qalilna wkoll li din it-traduzzjoni saret f’inqas minn sena, fejn stqarr li dan ma kienx ktieb faċli biex ikun tradott bil-Malti.
Huwa stqarr: “Mhux ktieb faċli biex teqilbu għal Malti, kif l-istess mhux teqleb mill-Ingliż għal Malti. Għandek l-idjoma Ingliża li wieħed irid jevita u jara xi jsib bħala alternattiva f’dik li hi idjoma Maltija. Għandek ukoll il-kurżitajiet, ngħidilhom jien lingwistiċi fejn ċertu kliem bl-Ingliż tiskanta kemm jgħaddu u tieħu pjaċir taqrahom, tismagħhom bil-Malti kważi anke jinstemgħu vulgari, jiġifieri trid issib dan is-sens ta’ bilanċ. Nittama li rrnexxieli.”