Il-ġlied bejn il-fazzjonijiet fil-Partit Nazzjonalista jinsab f’kull livell.
Il-fergħa taż-żgħażagħ tal-fazzjoni tal-Kap Adrian Delia, Team Start PN issa fettlilha tipprova tissieħeb fil-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ.
Din il-mossa ġiet meqjusa minn bosta bħala waħda ta’ pika u li tisfida lill-fergħa taż-żgħażagħ l-oħra li għandu l-Partit Nazzjonalista, il-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista.
L-MŻPN, meqjus bħala bejta tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, ilu parti mill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ u issa sab lill-fergħa tal-fazzjoni Delia tipprova tidħol fl-għalqa.
Kienet stqarrija tal-Partit Nazzjonalista stess li kkonfermat l-intenzjonijiet tal-fergħa ta’ Delia, Team Start PN.
Fil-fatt l-eżekuttiv ta’ Team Start PN iltaqa’ mal-eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ u hemm saret anki talba formali għas-sħubija.
Huwa sigriet magħruf li l-MŻPN ma jarax għajn m’għajn mat-tmexxija tal-Kap Adrian Delia.
Il-biċċa l-kbira tal-membri tal-MŻPN huma kollha mal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil u jemmnu li Delia m’għandux jibqa’ jmexxi lill-partit u anki sfidawh biex jirriżenja.
Iż-żewġ fergħat taż-żgħażagħ fl-istess partit ukoll spiċċaw jitgħajru u jiġġieldu fil-beraħ.
Fil-fatt il-Viċi-President tal-MŻPN Nicky Azzopardi kien għajjar bħala ‘handbag’ lill-President ta’ Team Start Thomas De Martino.
De Martino mbagħad kien wieġbu u sejjaħ lill-Azzopardi bħala ‘keychain’, b’tal-aħħar malajr għajru lura u sejjaħlu ‘kaboċċa’.
Fl-aħħar Kunsill Ġenerali, iż-żewġ fergħat ingħataw siġġu fuq l-ogħla mejda, bil-Kap f’nofshom, f’tentattiv li jidher li qed issir rikonċiljazzjoni iżda din l-aħħar mossa ta’ Team Start PN qed tkompli żżid fid-doża ta’ pika u ġlied li hemm bejn iż-żewġ fergħat u li hija riflessjoni ta’ partit maqsum u mifrud u li donnu l-ġlied sar ir-regola tal-ġurnata.