Fl-aħħar ta’ Novembru, iż-żewġ Ċippi storiċi, li kienu nstabu f’pajjiżna sekli ilu, se jkunu f’wirja unika fil-Mużew tal-Arkeoloġija fil-Belt Valletta.
Dawn iċ-ċippi, magħrufin mad-dinja kollha, se jerġgħu jkunu ħdejn xulxin għal ftit ta’ żmien ieħor, wara li għal din l-aħħar sena kienu f’Abu Dhabi, fl-Emirati Għarab Maqgħuda.
Tkellimna mal-Maniġer ta’ Heritage Malta għall-Arkeoloġija u l-Istorja Naturali, Sharon Sultana, li spjegatilna l-importanza ta’ dawn l-artifatti storiċi.
“Hu magħmul minn żewġ biċċiet, il-bażi li hi kwadra u fuq għandha forma ta’ kandilabru, li hu ddekorat sabiħ, magħmul mill-irħam u fuq il-bażi hemm żewġ skrizzjonijiet, skrizzjoni bil-Feniċju u skrizzjoni bil-Grieg.”
Hi spjegat li fin-naħa t’isfel taż-żewġ Ċippi hemm l-istess żewġ iskrizzjonijiet. L-ewwel iskrizzjoni, miktuba bil-Feniċju, hija dwar żewġ aħwa rġiel li għamlu offerta lill-alla Feniċju Melqart. Taħt din l-iskrizzjoni hemm il-verzjoni tagħha b’ittri Griegi.
“Il-librar li kien jieħu ħsieb il-Bibljoteka Pubblika ta’ Malta kien qara, li ċ-Ċippus hu importanti minħabba li deċifrat il-lingwa Feniċa minnu, għax hu għandu żewġ iskrizzjonijiet, waħda bil-Feniċa u oħra bil-Grieg u kien Franċiż li ddeċifraha. Allura, dan il-librar li kien Franċiż ukoll, fuq talba tal-Granmastru De Rohan bagħtu wieħed miċ-Ċippi, Franza. Dak iż-żmien ma kienx intbagħat il-Louvre, għax ma kienx għadu nfetaħ, imma ntbagħat fl-akkademja li kienu jistudjaw il-lingwi. Eventwalment, dak li ntbagħat Franza spiċċa l-Louvre u dak ta’ Malta baqa’ Malta.”