B’investiment ta’ seba’ miljun ewro, l-aġenzija Infrastruttura Malta f’dawn l-aħħar sentejn bniet mill-ġdid għaxar toroq fiż-Żejtun.
Dan intqal mill-Ministru għall-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg waqt konferenza tal-aħbarijiet f’waħda minn dawn it-toroq, Vjal il-25 ta’ Novembru.
Din it-triq prinċipali twasslek mit-Triq tal-Barrani għad-daħla fiċ-Ċentru taż-Żejtun, li għadha kif inbniet mill-ġdid.
Fost it-toroq li gawdew minn dawra hemm it-Triq l-Aħħar Ħbit mit-Torok jew kif inhi magħrufa ma’ diversi nies it-Triq taċ-Ċawsli u t-Triq il-Labour.
F’dawn l-aħħar sentejn sar xogħol ukoll f’erba’ toroq rurali oħra.
Il-Ministru Ian Borg semma kif fin-nofsinhar tal-pajjiż saru proġetti bħal dawk tal-mini ta’ Santa Luċija u l-proġett tal-Marsa Junction u flimkien mat-toroq residenzjali, dawn l-investimenti qed jgħinu sabiex in-nies jaslu aktar malajr fil-vjaġġi tagħhom.
Qal, “Il-messaġġ tal-Gvern huwa wieħed, ix-xogħol għaddej madwar il-pajjiż kollu. Għaddejjin f’kull rokna tal-pajjiż, għaddejjin f’kull belt u f’kull raħal, fin-naħa ta’ fuq, fin-naħa ta’ isfel, fil-gżejjer kollha. Għaliex aħna wegħdna lin-nies li se ninvestu f’programm ambizzjuż ta’ seba’ snin, b’mitt miljun fis-sena biex nibdlu t-toroq ta’ pajjiżna, biex nagħtu infrastruttura xierqa lin-nies.”
Is-Sindku ta’ din il-lokalità, Doris Abela qalet kif dawn il-proġetti qed jgħinu lill-komunità taż-Żejtun.
Spjega, “Dan ix-xogħol kollu qed jagħmel id-differenza, kif għedt fil-kwalità tal-ħajja tar-residenti tagħna u bħalissa għandna aktar xogħol għaddej, li huma proġetti kbar ukoll bħal Triq il-President Anton Buttigieg, kif ukoll Triq il-Kbira, hawnhekk li qegħda tmiss maċ-ċentru.”