Jien bdejt il-karriera tiegħi fil-ġurnalizmu 50 sena ilu. Kien hemm każijiet ta’ omiċidju li qatt ma ssolvew. Mhux wieħed jew tnejn. Mhux il-każ li noqgħod insemmihom wieħed, wieħed. Biżżejjed insemmi l-każ tal-qtil b’ittra bomba ta’ Karin Grech. U għaliex qiegħed insemmi dan il-każ? Qed insemmih għax l-ex-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Eddie Fenech Adami, kien wegħdna li meta jkun Prim Ministru, il-każ kien se jkun solvut. Kif kien wegħdna wkoll li se jkun solvut il-qtil ta’ Raymond Caruana. Eddie Fenech Adami dam Prim Ministru snin twal mhux ħażin. U ż-żewg każijiet qatt ma kienu solvuti.
Kienu żewġ każijiet li kellhom rabta politika. L-ittra li qatlet li Karin Grech, kienet indirizzata lill-missierha, Edwin, li kien ġie lura f’pajjiżna waqt l-istrajk tat-tobba fi żmien il-Gvern Laburista. Raymond Caruana inqatel waqt attività fil-każin tal-Partit Nazzjonalista fil-Gudja.
Kien hemm kummenti dwar il-mod kif kienu qeghdin jitmexxew l-investigazzjonijiet min-naħa tal-pulizija. Imma ma jidhirlix li kien hemm qlajjiet. Aktar u aktar mill-familjari. Jiġifieri mill-familjari ta’ Karin Grech u Raymond Caruana. Anzi, tal-inqas sa fejn naf jien, fiż-żewġ każijiet, il-familjari, ikkoperaw kemm setgħu mal-pulizija.
Mhux l-istess jista’ jingħad dwar il-qtil brutali, ikkundannat minn kulħadd, tal-blogger Daphne Caruana Galizia li ħadd ma jista’ jgħid li hemm xi rabta politika.
Fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, skont binha Mathew, il-laptop, li seta’ jagħti ħjiel dwar il-mandant, ‘sparixxa’. Fil-verità, irriżulta li kien fil-pussess ta’ oħtha. Se ngħidha ċara u tonda. Jien naqbel ma’ dak li jingħad fit-toroq. Ma nemminx li Matthew ma kienx jaf li l-laptop kien fil-pussess ta’ zitu. Ma nemminx li Matthew ma kienx jaf li l-laptop kien fil-pussess ta’ oħt ommu.
Agħar minn hekk, Mathew Caruana Galizia issa qed jivvinta dwar l-istħarrig tal-pulizija. Gideb meta qal li kien hemm uffiċjali tal-pulizija li ma telgħux jixhdu – SKONT HU – BI SKOP. Il-gideb u l-invenzjonijiet żgur li ma jgħinux lill-pulizija u, ngħid jien, lill-ġudikatura.
Il-Malti jgħid: Iż-żejjed kollu żejjed