Ir-restawr li qed isir fuq l-arkata ta’ De Rohan f’Ħaż Żebbuġ huwa mistenni li jitlesta f’Novembru ta’ din is-sena. In-nefqa ta’ dan il-proġett hija bejn wieħed u ieħor ta’ €50,000 li ġejjin minn skema li biha l-Kunsilli Lokali jistgħu japplikaw għal proġetti ta’ restawr.
Dan spjegah is-segretarju Parlamentari Stefan Buontempo wara li l-ġimgħa filgħodu żar ix-xogħol ta’ restawr li għaddej fuq l-arkata ta’ De Rohan f’Ħaż Żebbuġ.
Huwa spjega li dan il-proġett huwa wieħed minn ħames proġetti ta’ restawr li qed isiru madwar Malta b’fond ta’ madwar €300,000 u li dawn il-proġetti se jkunu qed jitlestew sa April tal-2017.
Minn naħa tagħha is-Sindku tal-lokal, Sarah Agius, spjegat kemm skemi bħal dawn huma mportanti u li ż-Żebbuġin kollha issa se jkunu jistgħu jerġgħu igawduh kif jixraq.
Buontempo għamel appell għall-Kunsilli Lokali kollha biex jibbenefikaw minn din l-iskema u jiddentifikaw is-siti li fihom hemm bżonn li isir restawr.