Michael Caruana Turner, żgħażugħ ta’ għoxrin sena minn Birkirkara, li jaħdem bħala fitness coach wieġeb mhux ħati li tajjar tmienja minn nies wara li fl-4am kien qiegħed isuq fil-Balluta wara lejl f’Paceville f’San Ġiljan. Fl-inċident tilef ħajtu Tim Scholten, Olandiż ta’ 25 sena.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud ordnat li ż-żagħżugħ jibqa’ jinżamm arrestat f’daru. Huwa mhux se jkun jista’ joħroġ mid-dar ħlief biex imur għal xi appuntament mediku jew fuq kwistjoni ta’ skola. Huwa ġie ordnat ukoll jiffirma t-Tnejn, l-Erbgħa u l-Ġimgħa fl-għassa ta’ Birkirakara kif ukoll irid iħallas depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta €10,000. Il-qorti ordnat ukoll is-sospensjoni tal-licenzja tas-sewqan.
Viżibilment emozzjonat fl-awla flimkien mal-qraba tiegħu, l-Avukat difensur Dr.Giglio stqarr kif l-akkuzat ibati mid-dyslexia u jinsab dispjaċut ħafna b’dak li ġara. Saħansita stqarr li xtaq li kieku miet hu minflok l-Olandiż li tilef ħajtu kif ukoll li qatt ma jista’ jaħfer lilu nnifsu.
Il-Maġistrat Joe Mifsud spjega kif fil-ħin tal-erbgħa ta’ filgħodu mhux post li ż-żgħażagħ ikunu barra, li l-alokoħol jista’ jwasslek biex tagħmel affarijiet li s-soltu ma tagħmilhomx kif ukoll li l-veloċità toqtol.
Il-Qorti qalet li riedet tibgħat messaġġ lis-soċjetà li affarijiet bħal dawn mhumiex permessi u għandna nerfgħu r-responsabiltà tal-azzjonijiet tagħna. Wara li qies il-fatti kollha kif ukoll li ż-żgħażugħ jidher li għandu rimors kif ukoll li l-ħabs mhux tajjeb għalih, Caruana Turner se jkun qed jinżamm arrestat f’daru flimkien ma projbizzjoni fis-sewqan.