Bdiet il-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra Mustafa El Madhoun, żagħżugħ Bulgaru ta’ 28 sena, li ġie arrestat il-Ħadd filgħaxija wara li nqabad bi 38 kilo droga.
Dan ġie mixli bl-importazzjoni tad-droga kokaina, eroina, u kannabis bi skop ta’ traffikar.
Fil-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, tkellmet l-Ispettur Justine Grech mill-Iskwadra ta’ kontra d-Droga, li qalet li l-valur ta’ din il-qabda jlaħħaq il-miljun u nofs ewro u li ġiet importata permezz ta’ vann li wasal bil-baħar minn Sqallija.
Ir-raġel inqabad permezz ta’ indikazzjoni mill-kelb tad-dwana, minkejja li d-droga kienet moħbija f’kompartamenti foloz.
Fost l-oħrajn, intqal ukoll li meta ġie avviċinat mill-Pulizija, El Madhoun qalilhom li fil-vann kellu ċ-ċana u ikel tal-annimali li ġabhom mill-Awstrija.
Il-kawża ġiet aġġornata għas-sbatax ta’ Awwissu.