Il-Qorti ma laqgħetx it-talba biex il-każ tat-tifel ta’ 14-il sena li tmint ijiem ilu ġarrab ġrieħi gravi f’saqajh it-tnejn wara li ngidem minn kelb ta’ razza pitbull jinstema’ b’urġenza.
It-tifel, Jean Claude Vella, għadu rikoverat l-isptar Mater Dei wara li fl-aħħar jiem sarulu żewġ interventi.
Huwa ġie attakkat minn kelb li ma kienx marbut wara li t-tifel ħareġ jarmi xi kaxxi barra fi Triq San Ġwann f’Bormla.
Leticia Chetcuti, iz-zija tat-tifel faħħret l-azzjoni tal-pulizija l-aktar dawk fl-Għassa ta’ Bormla biex ressqu l-każ il-Qorti. Madankollu erprimiet id-diżappunt tagħha għall-fatt li l-Qorti ma laqgħetx it-talba biex il-każ jinstema’ b’urġenza. “Il-qorti ma laqgħetx l-appell tagħna li l-każ huwa wieħed urġenti, jiġifieri sid il-kelb mhux se jitressaq b’mod urġenti l-qorti għax ħasset li mhux każ urġenti tat-tifel.”
Żiedet tgħid li t-tifel ġarrab disa’ feriti f’siequ u l-proċess ta’ fejqan jista’ jieħu fit-tul.
“Ħaga li nixtieq nistaqsi hija li kieku kien membru tal-familja tagħhom kif kienu jirreaġixxu. Kienu jagħmluha b’mod urġenti, kienu jħossuh dan il-bżonn. Qed nitkellmu fuq tifel ta’ 14-il sena li ilu tmint ijiem rikoverat l-isptar, sarulu żewġ interventi f’saqajh it-tnejn speċjalment f’siequ x-xellugija u kemm għad jonqsu għandna ma nafux”
Leticia qalet li matul il-jum tat-Tlieta, it-tobba reġgħu għamlulu interventi ieħor bil-għan li jibda tiegħla l-laħam li tilef u eventwalment issirlu l-kirurġija plastika.
“Naf li huma xokkanti iżda forsi jekk bniedem ma jarax il-verità quddiem għajnejh, forsi lanqas jitwemmen li huma gdim ta’ kelb l-affarijiet li għandu f’saqajh it-tifel, għandu disa’ feriti li mhumiex zgħar.
Hija temmet tappella biex issir ġustizzja dwar dan il-każ li ma ġabx biss tbatija fuq it-tifel li jinsab muġugħ kemm fiżikament iżda wkoll psikoloġikament iżda wkoll fuq ommu u missieru li għadhom sal-lum maħsudin b’din is-sajjetta fil-bnazzi li laqtet lill-familja tagħhom.