Iż-żagħżugħ Robert Omo li lura fl-2020 kien tressaq il-Qorti t’Għawdex akkużat b’moħqrija tal-annimali, reġa’ ċappas ismu mal-ġustizzja din id-darba dik Taljana.
In-Niġerjan, qed ikun akkużat li qatel b’daqqiet ta’ martell negozjant Ċiniż ta’ 54 sena u li attakka u ħalla Bulgaru ta’ 49 sena fil-periklu tal-mewt.
Dan il-każ, li iddomina l-midja Taljana, seħħ propju fit-30 ta’ Lulju li għadda f’Monteforte Irpino f’Avellino.
Ix-xena tad-delitt ġie deskritta bħala waħda ta’ straġi għax jidher li bil-martell huwa prova jattakka aktar nies. In-Niġerjan ġie mwaqqaf mis-suldati.
Fl-2020, ONE News kien żvela kif Robert Omo kien ipprova jkollu x’jaqsam ma’ debba ta’ raħħal Għawdxi f’għalqa fix-Xewkija.
Quddiem il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud kienu kameras tas-sigurtà fir-razzett li servew bħala prova kruċjali f’dan il-każ fejn urew l-atti indiċenti li wettaq l-akkużat. Fosthom kif l-akkużat daħal fil-proprjetà tal-familja Xuereb fejn kien allegat li pprova jkollu x’jaqsam mad-debba magħrufa bl-isem ta’ Katya.
Fl-istess filmat intwera kif Omo deher isawwat lid-debba b’oġġett iebes, jagħtiha bis-sieq u saħansitra tefgħalha tyre bil-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri argumenta kif dan jitqies moħqrija tal-annimali.
Iż-żagħżugħ kien intbagħat sena ħabs u ngħata multa ta’ €3,000 u ġie ordnat li jitkeċċa minn Malta wara li jiskonta s-sentenza tiegħu.