Iż-żagħżugħ ta’ dsatax-il sena li huwa suspettat li poġġa l-isplussiv barra ċ-Ċentru Nazzjonali Laburista l-ġimgħa l-oħra, ittieħed l-Isptar Monte Carmeli għal xi ġranet wara assessjar psikjatriku li sarlu.
Rapporti fil-midja qed jgħidu li ż-żagħżugħ irid jagħmel xi jiem l-isptar qabel ma jerġa’ jiġi assessjat mill-ispeċjalisti biex jiddeterminaw jekk hux f’pożizzjoni li jiġi mistoqsi mill-Pulizija jew le.
Il-Pulizija arrestaw liż-żagħżugħ il-Ħamis filgħaxija, iżda l-Maġistrat li ħatar l-inkjesta ordnalu biex jgħaddi minn assessjar psikjatriku qabel jitressaq il-Qorti.
Il-liġi tippermetti lill-Pulizija biex jinvestigaw lis-suspettati biss jekk ikunu jinsabu fi stat ta’ saħħa mentali tajjeb, hekk kif il-proċess ta’ investigazzjoni mal-Pulizija huwa fost l-aktar fażijiet kruċjali tal-investigazzjoni.